Segretarju Permanenti Ewlieni
Is-Sur Tony Sultana
Is-Sur Tony Sultana nħatar Segretarju Permanenti Ewlieni fl-1 ta’ Ġunju 2022, wara karriera twila fis-Servizz Pubbliku li fiha kien pijunier fl-użu tat-teknoloġija tal-informatika. Hu kien fdat ifassal l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ewlenin tal-Gvern.
Il-karriera tiegħu bdiet fl-1986 maċ-Ċentru tal-Kompjuters tal-Gvern. Matul is-snin, is-Sur Sultana kien strumentali fl-implimentazzjoni tar-riforma tat-taxxa u sistemi ħolistiċi oħra. Huwa mexxa t-Taskforce tal-Euro-IT u kellu r-responsabbiltà li jikkordina l-bidla għall-ewro tas-sistemi tal-informatika. Hu ġie assenjat ukoll ir-responsabbiltà tas-sistema tal-utilitajiet u ħa sehem fl-implimentazzjoni ta’ Integrated Utilities Business Systems.
Wara li kellu diversi karigi maniġerjali għolja fi ħdan il-MITA, is-Sur Sultana nħatar Kap Eżekuttiv f’April 2013. Matul il-mandat tiegħu, huwa ffoka fuq it-tisħiħ u l-immodernizzar tas-sistemi diġitali tal-ICT tal-Gvern, bi prijorità fuq is-sigurtà.
Is-Sur Sultana għandu sfond tekniku fl-elettronika industrijali u fuq is-sistemi ta' informazzjoni tal-Gvern permezz ta' programmi speċjalizzati li għamel f'Singapore u l-Ġappun. Għandu degree fil-Matematika u Computing mill-Università ta’ Malta u Master of Science fil-Management mill-Università ta’ Anglia fir-Renju Unit.
IS-SEGRETARJI PERMANENTI
MUR LURA
Joseph F. Caruana
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir
Is-Sur Joseph F. Caruana
Is-Sur Joseph F. Caruana twieled f'Marsaxlokk fit-2 ta' Mejju 1961. Huwa gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fl-Arti fl-Amministrazzjoni Pubblika fl-1985 u Masters fil-Business Administration (Executive) f'Novembru tal-2001.
Is-Sur Caruana daħal fis-Servizz Pubbliku bħala student-ħaddiem fl-1980 u fl-1985 kien appuntat Uffiċjal Prinċipali fit-taqsima tal-ġbir tal-flus fid-Dipartiment tal-Artijiet. Fl-1996 kien appuntat Uffiċjal Prinċipali Anzjan u fl-istess sena ngħata r-rwol addizzjonali ta' kordinatur fuq il-proġetti tal-informatika fid-Dipartiment tal-Artijiet u fid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà. F'Ottubru tal-1999 huwa kien appuntat Direttur tad-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà fi ħdan it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern. F'Novembru 2008 is-Sur Caruana kien appuntat Direttur Ġenerali għall-operat fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u serva wkoll bħala Direttur tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Is-Sur Caruana kien appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima f'Lulju 2013. F'Jannar 2020 dan il-Ministeru sar il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil tal-Klima u l-Ippjanar.
F'April 2022 il-Ministeru sar il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u f'Jannar 2024 il-Ministeru sar il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u f’Jannar 2025 il-Ministeru sar il- Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.
Huwa wkoll membru tar-Retikolat għall-Iżvilupp Sostenibbli u President tal-Korp ta' Approvazzjoni tal-Eko-Kontribuzzjoni.
Matthew Vella
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport
Is-Sur Matthew Vella
Is-Sur Matthew Vella twieled fl-1989. Huwa studja fl-Università ta' Malta fejn kiseb Baċellerat bl-Unuri fix-Xogħol Soċjali, segwit minn kwalifika ta' Masters fl-Istudji tal-Familja. L-oqsma ta' speċjalizzazzjoni tiegħu jinkludu l-ippjanar soċjali u l-awditjar, l-iżvilupp u s-servizzi tal-komunità, ir-regolamenti, u l-iżvilupp tal-politika.
Is-Sur Vella beda l-karriera tiegħu fi ħdan is-Servizz Pubbliku bħala social worker fis-Servizzi tat-Tfal. Aktar tard serva bħala Direttur tas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar mill-2015. Fl-2018 inħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali, fejn ħa ħsieb li jwettaq b’suċċess numru ta’ inizjattivi u riformi sinifikanti.
Kontribuzzjonijiet oħra fi ħdan is-Servizz Pubbliku jinkludu l-istabbiliment ta' Standards Regolatorji Soċjali għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u l-Viżjoni Strateġika 2020-2027: Naħdmu għall-Eċċellenza: Nixprunaw l-Innovazzjoni Soċjali permezz tar-Regolamentazzjoni.
F'Diċembru 2020, is-Sur Vella nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Benesseri Soċjali. F'Diċembru 2021, dan tal-aħħar ġie ddisinjat mill-ġdid bħala l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Benesseri Soċjali, u l-Organizzazzjonijiet Volontarji. F'Jannar 2022, is-Sur Vella nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, u f'April 2022, assuma r-rwol ta' Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, u r-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Bħala parti mill-mandat tiegħu fis-settur edukattiv, is-Sur Vella kellu rwol ċentrali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni, u enfasizza l-impenn tiegħu li jrawwem sistema edukattiva li tħares ’il quddiem u inklussiva. Is-Sur Vella appoġġja l-inkorporazzjoni ta' Prospettiva Strateġika fit-tfassil ta' politiki edukattivi sostenibbli u ffaċilita t-twaqqif ta' direttorat iddedikat fi ħdan il-ministeru għall-promozzjoni tal-ippjanar u l-innovazzjoni fit-tul. Barra minn hekk, huwa ssorvelja l-isforzi biex jimmodernizza l-faċilitajiet edukattivi permezz tal-Programm tal-Infrastruttura tal-Edu, filwaqt li jiżgura li jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-settur.
Stephanie Rocco
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat
Is-Sinjura Stephanie Rocco
Stephanie Rocco għandha esperjenza kbira fl-amministrazzjoni pubblika, hekk kif ingħaqdet mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fl-2008, fejn serviet f’diversi rwoli, inkluż fil-ġestjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li kienu jiffukaw fuq opportunitajiet ta’ taħriġ għal persuni li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità, u aktar tard ġiet fdata bir-rwol ta’ Internal HR Executive. Imbagħad fl-2015 bdiet taħdem mas-Servizz Pubbliku fejn ingħaqdet mal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar bħala Maniġer.
L-esperjenza professjonali tagħha hija sostnuta minn għarfien estensiv fil-koordinazzjoni tal-politika, l-ippjanar strateġiku, il-ġestjoni organizzattiva u l-involviment tal-partijiet interessati. Tul il-karriera tagħha, hija kkontribwiet għat-tisħiħ ta’ prattiki istituzzjonali relatati mal-monitoraġġ tal-prestazzjoni, il-koordinazzjoni interministerjali u t-twassil ta’ programmi kumplessi fi ħdan oqfsa ta’ governanza stretti.
Hija għandha Master of Business Administration (MBA) bi speċjalizzazzjoni fit-Turiżmu mill-Institut Universitaire Kurt Bösch fl-Iżvizzera, kif ukoll Baċellerat (Unuri) fl-Istudji tat-Turiżmu mill-Università ta’ Malta. Barra minn hekk, hija kompliet issaħħaħ il-profil professjonali tagħha permezz ta’ żvilupp kontinwu fit-tmexxija, l-etika, l-akkwist pubbliku u l-amministrazzjoni pubblika.
Apparti r-rwol tagħha fis-Servizz Pubbliku, hija involuta b’mod attiv fil-governanza tal-isport taż-żgħażagħ, fejn isservi fuq il-Bord Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol u bħala Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol taż-Żgħażagħ, li tirrifletti impenn sostnut lejn l-involviment fil-komunità u l-iżvilupp taż-żgħażagħ.
F’Ġunju 2026, is-Sinjura Rocco ġiet maħtura Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju.
Joyce Cassar
Segretarju Permanenti, L-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards)
Segretarju Permanenti, L-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards)
Dr Joyce Cassar
Dr Cassar hija professjonista bi kwalifiki għolja, li kisbet lawriji f'livell Postgraduate u Masters fil-Management u Studji Reliġjużi mill-Università ta' Sheffield Hallam.
Il-karriera tagħha bdiet fis-settur tal-manifattura, fejn kisbet esperjenza maniġerjali u għarfien estensiv fir-relazzjonijiet industrijali. Għal bosta snin ħadmet fl-industrija tat-turiżmu, fejn okkupat poiżizzjonijiet għoljin f'General Management u fir-riżorsi umani.
Ħadmet ukoll fil-qasam soċjali u għal numru ta' snin kienet ingaġġata minn Caritas Malta bħala Kap tas-Servizzi fil-Komunità. Kienet ukoll inkarigata biex tiftaħ l-ewwel programm għan-nisa bi problema ta' droga. Meta ngħaqdet mas-Servizz Pubbliku fl-2013, hija serviet bħala Direttur Ġenerali tar-riżorsi Umani għall-Ministeru tas-Saħħa, u aktar tard assumiet irwoli fl-implimentazzjoni u, eventwalment, fl-2017 saret Segretarju Permanenti tad-Diviżjoni People and Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-karriera ta' Dr Cassar turi d-dedikazzjoni tagħha għall-iżvilupp organizattiv, b'enfasi fuq ir-riżorsi umani, l-istandards, u t-taħriġ fi ħdan is-settur governattiv.
Sharlo Camilleri
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel
Is-Sur Sharlo Camilleri
Is-Sur Sharlo Camilleri twieled fl-20 ta’ Frar, 1976, huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal. Huwa gradwa mill-Università ta’ Malta b’Diploma fl-Agrikoltura u M.Sc. fil-Ġestjoni Ambjentali u l-Ippjanar, u B.Sc. (Hons.) fil-Ġeografija mill-Università ta’ Londra.
Is-Sur Camilleri beda l-karriera tiegħu fil-qasam agrikolu bħala student-ħaddiem fid-Dipartiment tal-Agrikoltura u ngħaqad mas-Servizz Pubbliku f’Settembru tal-1997. Matul l-ewwel snin ta’ servizz tiegħu kien involut f’attivitajiet u netwerks ta’ riċerka, programmi ta’ monitoraġġ, servizzi ta’ konsulenza fil-biedja, u appoġġ tekniku għall-politika agrikola.
F’Awwissu 2006 beda l-ħidma tiegħu fl-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali. Minn dakinhar kellu karigi ta’ tmexxija għolja u dejjem kien involut fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. Hu okkupa l-karigi ta’ Deputising Director Operations tal-Aġenzija għall-Pagamenti, Kap Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, Direttur għas-Saħħa tal-Pjanti u Direttur Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali.
Huwa serva f’diversi kumitati u bordijiet governattivi, fosthom membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura, kif ukoll Chairperson tal-Agriculture Advisory Committee u tal-Kumitat tal-Għażla tal-Proġett taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali. Huwa serva wkoll bħala l-ispokesperson fil-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
F’Jannar 2020 huwa nħatar bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u Drittijiet tal-Annimali, u aktar tard f’Novembru 2020 żdiedlu l-portafoll tal-ikel biex sar il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali. F’April 2022 kien ikkonfermat bħala s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru li reġa’ bidel ismu għall-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali; kariga li reġa’ ġie appuntat fiha f’Jannar 2024.
Bjorn Callus
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Mobbilta' Sostenibbli
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Mobbilta' Sostenibbli
Is-Sur Bjorn Callus
Bjorn Callus twieled Malta f’Settembru tal-1986, iben Anthony u Doris. Wara li daħal jaħdem fis-settur pubbliku f’Ġunju tal-2009 bħala EU Fund Officer ġewwa l-Paying Agency tal-Agrikultura, fl-2011 kompla javvanza hekk kif ġie appuntat EU Fund Manager fl-istess aġenzija.
F’April tal-2015 hu ġie appuntat bħala Senior Policy Officer ġewwa r-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussell fil-politika tas-Sajd u x-xogħol tiegħu fi Brussell kien ukoll jinvolvi l-preparamenti kbar li għamlet Malta sabiex f’Jannar tal-2017 ħadet il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Sussegwentament, ġie maħtur bħala Technical Attaché għas-Sajd, liema kariga żamm sa Awwissu tal-2019. Dan għaliex f’dan ix-xahar irritorna Malta u kien maħtur Aġent Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, fejn imbagħad ġie kkonfermat bħala Direttur Ġenerali fi Frar tal-2020. Fl-1 ta’ Jannar 2025, Bjorn Callus ġie maħtur Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi.
Tul il-karriera tiegħu, Bjorn Callus serva f’diversi Bordijiet bħala Membru fl-Agricultural Advisory Committee, membru fil-Marine and Maritime Thematic Committee kif ukoll Chairperson tal-Bord tas-Sajd. Bjorn Callus hu ggradwat fl-Istudji Ewropej fejn għandu Baċellerat bl-Unuri kif ukoll Masters f’din il-materja mill-Università ta’ Malta. Huwa miżżewweġ lil Ilona.
Joyce Dimech
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà
Is-Sinjura Joyce Dimech
Joyce Dimech hija impjegata stabbilita fiċ-ċivil Malti b'karriera twila u distinta fl-amministrazzjoni pubblika. Hija serviet f'diversi rwoli ta' profil għoli fi ħdan il-gvern Malti, u wriet tmexxija b'saħħitha u impenn għas-servizz pubbliku. Il-karriera tagħha hija kkaratterizzata mill-kontribut tagħha għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki mmirati lejn it-titjib tal-governanza u l-effiċjenza tas-settur pubbliku f'Malta.
L-għarfien espert tagħha huwa mifrux fuq diversi oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, u hija magħrufa għall-approċċ strateġiku tagħha għall-ġestjoni u l-kapaċità tagħha li tinnaviga f'ambjenti burokratiċi kumplessi. Matul il-karriera tagħha, Joyce Dimech kellha rwol ewlieni fit-tiswir tax-xenarju amministrattiv ta' Malta, u kisbet rispett u rikonoxximent għad-dedikazzjoni tagħha għas-servizz pubbliku u l-kontribut tagħha għat-titjib tas-soċjetà Maltija.
Joyce Dimech inħatret Segretarju Permanenti fl-2013 u okkupat dan ir-rwol f'diversi portafolli. Fil-preżent hija Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.
Godwin Mifsud
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija, u Proġetti Strateġiċi
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija, u Proġetti Strateġiċi
Is-Sur Godwin Mifsud
Is-Sur Godwin Mifsud beda jaħdem fis-Servizz Pubbliku fl-2001 bħala Uffiċjal tal-Ekonomija u serva fid-Dipartiment għall-Politika Ekonomika fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi f’diversi karigi matul dan il-perjodu. Fl-2011, hu kien appuntat Direttur (Riċerka Ekonomika Strutturali) u aktar tard Direttur Ġenerali (Politika Ekonomika) fl-2015. Taħt it-tmexxija tas-Sur Mifsud, id-Dipartiment stabbilixxa ruħu fi rwol konsultattiv fil-qasam tal-politika ekonomika, b’enfasi fuq l-evidenza empirika.
Matul is-snin, is-Sur Mifsud irrappreżenta lil Malta f’diversi formazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, kien il-Kap tad-Delegazzjoni ta’ Malta għall-Kumitat għall-Politika Ekonomika, li huwa wieħed mill-korpi preparatorji tal-Kunsill ECOFIN. Huwa serva wkoll bħala Chairman tal-Grupp dwar ix-Xjuħija tal-Popolazzjoni u s-Sostenibilità tal-Finanzi Pubbliċi fi ħdan l-istess Kumitat. Is-Sur Mifsud mexxa numru ta’ delegazzjonijiet f’laqgħat ma’ istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom mal-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.
F’Settembru 2022, is-Sur Mifsud kien appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali. F’Jannar 2024, wara bidla fid-dekasteri, ingħata wkoll ir-responsabilità għad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi. Is-Sur Mifsud kien appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi f’Jannar 2025.
Is-Sur Mifsud iservi wkoll fuq numru ta’ bordijiet u kumitati tal-Gvern. Huwa studja kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit u huwa formalment kwalifikat fil-livell postgradwatorju fl-Ekonomija u fil-Politika Pubblika.
Carlos Tabone
Segretarju Permanenti, Ministeru għat-Turiżmu u Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali
Segretarju Permanenti, Ministeru għat-Turiżmu u Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali
Is-Sur Carlos Tabone
Is-Sur Carlos Tabone twieled fl-1986 u beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku fl-2009. Huwa ggradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Politika Soċjali fl-2008 u fl-2012 kiseb Masters fil-Business Administration (Executive).
Is-Sur Tabone beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku bħala EU Fund Officer fl-Aġenzija għall-Pagamenti, responsabbli mill-amministrazzjoni ta' fondi Ewropej taħt il-programm ta' politika agrikola komuni. Aktar tard, fl-2012, is-Sur Tabone kien appuntat Senior Manager fl-istess aġenzija u ngħata r-responsabbiltà li jmexxi t-Taqsima tal-Accounts.
Fl-2015, is-Sur Tabone kien appuntat Senior Manager fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u eventwalment, fl-2018, ġie appuntat Kap (Implementazzjoni) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru filwaqt li żamm il-kordinament tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. F'Ottubru 2020, is-Sur Tabone nħatar Direttur (Management Support) fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.
F'April 2022, is-Sur Tabone ġie appuntat Segretarju Permanenti responsabbli mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar filwaqt li f'Jannar 2024 inħatar Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali. F’Mejju 2025, is-Sur Tabone nħatar bħala Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Ugwaljanza, Riformi u d-Djalogu Soċjali).
Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.
Keith Bartolo
Segretarju Permanenti, Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali
Segretarju Permanenti, Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali
Is-Sur Keith Bartolo
Mexxej anzjan fl-amministrazzjoni pubblika b’esperjenza estensiva fil-governanza korporattiva, l-edukazzjoni, ir-riżorsi umani u l-iżvilupp organizzattiv, huwa serva bħala Direttur Ġenerali tal-Istitut għas-Servizz Pubbliku (IPS Malta), fejn mexxa inizjattivi nazzjonali fit-taħriġ tal-forza tax-xogħol, l-iżvilupp tat-tmexxija u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.
Tul il-karriera tiegħu, huwa kellu rwol ċentrali fit-tfassil ta’ oqfsa strateġiċi għall-attrazzjoni, l-iżvilupp u ż-żamma tat-talent, filwaqt li ssorvelja funzjonijiet istituzzjonali ewlenin inkluż is-sistemi tar-reġistrar u ċ-ċertifikazzjoni, ir-riżorsi umani u l-amministrazzjoni, il-finanzi u l-akkwist, kif ukoll l-istrateġija u l-komunikazzjoni. Is-Sur Bartolo mexxa wkoll inizjattivi ta’ ristrutturar organizzattiv u ta’ tisħiħ tal-kapaċità, sabiex jiġi żgurat allinjament mal-istandards ta’ governanza tas-settur pubbliku u mal-prijoritajiet nazzjonali.
Qabel ma beda jservi bħala Direttur Ġenerali tal-Istitut għas-Servizz Pubbliku (IPS Malta), huwa okkupa diversi rwoli ta’ tmexxija għolja fl-amministrazzjoni pubblika u fl-edukazzjoni, fejn anke serva bħala Prinċipal ta’ Kulleġġ fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni bejn l-2015 u l-2021. F’din il-kariga, huwa ta kontribut sinifikanti fl-iżvilupp tal-impjegati, il-monitoraġġ tal-konformità, l-implimentazzjoni tal-politika u t-titjib tal-għoti tas-servizzi.
Huwa għandu Master of Business Administration u Baċellerat fl-Edukazzjoni (Unuri) fl-Edukazzjoni Fiżika, flimkien ma’ aktar taħriġ professjonali fl-amministrazzjoni pubblika, it-tmexxija u l-management, kif ukoll fir-riżorsi umani u l-konformità.
F’Ġunju 2026, is-Sur Bartolo ġie maħtur Segretarju Permanenti fil-Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.
Renzo De Gabriele
Segretarju Permanenti, Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa
Segretarju Permanenti, Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa
Dr Renzo De Gabriele
Dr Renzo De Gabriele huwa tabib tal-familja b’aktar minn tletin sena esperjenza jaħdem fis-servizz pubbliku.
Huwa ggradwa bħala tabib tal-Mediċina u l-Kirurġija mill-Università ta’ Malta fl-1995 u ngħata Ċertifikat fil-Kura tad-Dijabete mill-Kulleġġ Irlandiż tat-Tobba tal-Familja fl-2008. Huwa wkoll Speċjalista fil-Mediċina tal-Familja, u Fellow tal-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja. Huwa wkoll trainer espert fil-mediċina tal-familja u ta diversi korsijiet nazzjonali u internazzjonali f’diversi livelli biex iħarreġ lit-tobba tal-familja bħala trainers fil-mediċina tal-familja.
Fl-2011, Dr De Gabriele nħatar Assistent Direttur (Amministrazzjoni) fid-Dipartiment tal-Kura Primarja fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u fl-2013, inħatar Kap Eżekuttiv tal-istess dipartiment. Fl-2019, imbagħad, inħatar Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fejn kellu rwol strumentali fit-tisħiħ tas-servizzi eżistenti kif ukoll fl-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda. Servizzi ġodda mnedija mill-2019 ’l hawn jinkludu s-servizz tat-Telecare on the Move, is-servizz tal-flebotomija domiċiljari, servizz ta’ trasport bla ħlas għall-anzjani (is-servizz tas-Silver T) madwar Malta u Għawdex, servizzi ta’ psikoterapija komunitarja għall-anzjani, kiri ta’ sodod motorizzati għall-klijenti li ma jistgħux joħorġu mid-dar, l-iskema tal-għajnuna fid-dar tal-għażla tiegħek, u servizzi ta’ dijetista domiċiljari. Dr De Gabriele fassal pjan li twettaq għall-ftuħ ta’ diversi ċentri ġodda għall-anzjanità attiva f’postijiet differenti f’Malta, kif ukoll żewġ ċentri ġodda għall-klijenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja. Servizzi ta’ kura residenzjali raw l-introduzzjoni ta’ diversi servizzi ġodda bħal infermiera speċjalizzati fil-kura paljattiva. Tnieda programm ta’ rinnovazzjoni tad-djar kollha tal-gvern, fejn tlestiet ir-rinnovazzjoni tad-Dar Residenzjali tal-Furjana, u d-djar residenzjali l-oħra mmexxija mill-gvern qegħdin jiġu rinnovati radikalment. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hija strumentali fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023 - 2030 filwaqt li, permezz tad-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja fi ħdanha, kienet ukoll strumentali fil-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni li għaddejja bħalissa tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja 2024 - 2031.
Fl-2023, Dr De Gabriele ngħata l-premju għall-Aqwa Maniġer fil-Premjijiet Nazzjonali tal-Ħaddiem tas-Sena u mexxa lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex jinkisbu tliet premjijiet nazzjonali oħra bis-servizz tas-Silver T jingħata l-Premju għall-Aqwa Servizz Innovattiv fil-Malta National Transport Awards, il-Proġett Dar Padova ngħata l-Aqwa Proġett fil-Public Service Awards u d-Direttorat tad-Dimensja ngħata l-Premju għall-Aqwa Unit fil-Premjijiet Nazzjonali tal-Ħaddiem tas-Sena.
Emanuel Psaila
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili
Is-Sur Emanuel Psaila
Emanuel Psaila twieled fl-1968 f'Marsaxlokk iżda trabba ż-Żejtun.
Huwa ngħaqad mas-Servizz Pubbliku fl-1986 u wara sentejn apprentistat beda jaħdem fit-taqsima tar-restawr tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta.
Fl-1999 daħal bħala rekluta fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bħala parti mill-ewwel reklutaġġ ta' dan id-dipartiment li kien għadu kemm twaqqaf. Għal 16-il sena ħadem fil-qasam tal-assistenza u s-salvataġġ, sakemm beda jagħmel parti mill-amministrazzjoni tad-dipartiment – l-ewwel bħala Manager għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u mbagħad bħala Deputat Direttur. F'April 2017 sar il-ħames Direttur tal-Protezzjoni Ċivili u tliet snin wara nħatar Direttur Ġenerali tal-istess dipartiment.
Matul il-karriera tiegħu serva wkoll f'diversi kumitati u bordijiet, fosthom bħala President tal-Assoċjazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili għal 14-il sena, membru fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u membru fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Emanuel Psaila huwa ggradwat b'Baċellerat tal-Arti fil-Malti u Masters fil-Letteratura Maltija. Rebaħ diversi unuri letterarji u l-kitbiet tiegħu ġew ippubblikati f'rivisti u antoloġiji.
Fl-2021 ġie dikjarat bħala Kap tas-Sena fil-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena. F'April 2022, is-Sur Psaila ġie appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u Ugwaljanza, u f'Settembru 2023 inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.
Huwa miżżewweġ u missier ta' tifla.
Paul Zahra
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Finanzi
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Finanzi
Is-Sur Paul Zahra
Is-Sur Zahra beda jaħdem fis-Servizz Pubbliku ta' Malta fl-1984 fid-Diviżjoni Ekonomika fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Bejn l-1989 u l-1992, huwa kien jokkupa l-kariga ta' Assistent Personali tas-Segretarju Ekonomiku u Chief Economics Officer fil-Ministeru tal-Finanzi. Fl-1993 huwa ġie appuntat Direttur (Strateġija Ekonomika) u sussegwentament bħala Direttur Ġenerali (Policy Ekonomika).
Mill-2001 s-Sur Zahra serva ta' Segretarju Permanenti f'diversi Ministeri fosthom fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, fil-Ministeru għall-Finanzi, fil-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur kif ukoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
F'Marzu 2013 huwa ġie appuntat Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali. F'Novembru 2020 huwa nħatar Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. F'April 2022 huwa nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet (Fondi Ewropej). F'Ġunju 2022 is-Sur Zahra nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Finanzi..
Is-Sur Zahra jservi wkoll fuq numru ta' bordijiet u kumitati tal-Gvern. Huwa studja kemm f'Malta kif ukoll fir-Renju Unit u huwa formalment kwalifikat fil-finanzi, management u liġi.
Ronald Mizzi
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol
Is-Sur Ronald Mizzi
Ronald Mizzi huwa uffiċjal pubbliku Malti b’esperjenza vasta ta’ aktar minn għoxrin sena fil-qasam tal-ippjanar ekonomiku, affarijiet tal-UE, u żvilupp ta’ politika strateġika. Huwa okkupa diversi karigi għoljin fi ħdan il-Gvern, u l-aktar riċenti serva bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi (2022 - 2024). F’din il-kariga kien responsabbli għall-iżvilupp ekonomiku, l-investiment dirett barrani, l-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali u l-politika dwar l-intrapriża.
Bħalissa qed imexxi l-eżerċizzju Malta Vision 2050, inizjattiva ewlenija ta’ viżjoni strateġika nazzjonali li għandha l-għan li tiddefinixxi l-għanijiet fit-tul ta’ Malta partikolarment dawk ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Permezz ta’ proċess inklussiv u orjentat lejn il-futur, Mizzi qed imexxi djalogu wiesa’ bejn il-gvern, in-negozji, is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ sabiex il-prijoritajiet nazzjonali jiġu allinjati mal-isfidi globali emerġenti u l-opportunitajiet tal-futur. Malta Vision 2050 għandha sservi bħala qafas unifikanti biex tiggwida d-deċiżjonijiet pubbliċi u privati għad-deċennji li ġejjin - ibbażata fuq is-sostenibbiltà, il-kwalità tal-ħajja, l-innovazzjoni u r-reżiljenza. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-inizjattiva qed ittejjeb il-koerenza tal-politika, timmobilizza l-investiment, u ssaħħaħ it-tħejjija ta’ Malta għal dinja li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel.
Bejn l-2017 u l-2022, Mizzi serva bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu, fejn mexxa s-settur turistiku Malti f’perjodu ta’ tkabbir rekord kif ukoll waqt l-isfidi bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19. Kien strumentali fl-irkupru sostenibbli tas-settur u beda proċess ta’ trasformazzjoni fit-tul ibbażat fuq il-kwalità. Il-portafoll tiegħu kien jinkludi wkoll l-avjazzjoni, il-partnerships pubbliċi-privati, l-industrija tal-film, il-protezzjoni tal-konsumatur u t-trasport estern.
Qabel dan, bħala Segretarju Permanenti għall-Enerġija u aktar tard fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (2014 - 2017), Mizzi kellu rwol ċentrali fir-riformi fis-settur tal-enerġija - b’fokus fuq investimenti fl-infrastruttura, modernizzazzjoni regolatorja, u partnerships pubbliċi-privati fil-politika dwar l-enerġija u l-ilma.
Fil-bidu tal-karriera tiegħu, huwa kellu rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE, fejn kien strumentali fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-koordinazzjoni tal-finanzjament fuq livell nazzjonali.
Oriġinarjament minn Ħaż-Żabbar, Mizzi għandu Master fl-Istudji Ewropej u Baċellerat fir-Relazzjonijiet Internazzjonali mill-Università ta’ Malta. Huwa attenda diversi programmi ta’ taħriġ speċjalizzat, serva fuq bosta bordijiet u kumitati tal-gvern, u rrappreżenta lil Malta f’diversi negozjati u laqgħat internazzjonali ta’ livell għoli, speċjalment fil-qasam tal-enerġija, it-turiżmu, l-affarijiet tal-UE u l-politika ekonomika. Dawn l-esperjenzi tawh kapaċità soda biex jaħdem b’mod effettiv f’ambjenti kumplessi u b’ħafna partijiet interessati - kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.- both nationally and internationally.
Johan Galea
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Is-Sur Johan Galea
Is-Sur Johan Galea ilu jservi bħala Segretarju Permanenti fis-settur tal-Ġustizzja minn Diċembru 2016. Fil-bidu, huwa kellu dan ir-rwol fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Wara nomina mill-ġdid tal-Ministeru f’Jannar 2020, hu kompla jservi bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza u minn April 2022 fil-Ministeru għall-Ġustizzja. Fi Frar 2022 ħa wkoll ir-rwol ta’ Segretarju Permanenti għall-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali; fl-istess waqt serva ż-żewġ Ministeri għal disa’ xhur. F’Jannar 2024 inħatar Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Ġustizzja u Riforma tal-Bini tas-Settur tal-Kostruzzjoni.
Is-Sur Galea ngħaqad mas-Servizz Pubbliku fl-1991 fil-grad ta’ għalliem, u mill-2004 sal-2009 serva bħala Assistent Kap ta’ Skola u Kap ta’ Skola. Fl-2009, is-Sur Galea nħatar Assistent Direttur fid-Diviżjoni tal-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Wara, fl-2012, inħatar Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumaturi u fl-2013 okkupa l-istess irwol fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali. Fl-2015, is-Sur Galea nħatar Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti.
Is-Sur Johan Galea gradwa mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat fl-Arti fil-Psikoloġija u s-Soċjoloġija, kif ukoll b’Ċertifikat ta’ Post-Gradwat fl-Edukazzjoni u b’Diploma fl-Amministrazzjoni u Immaniġġjar Edukattiv.
Jonathan Vassallo
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur
Is-Sur Jonathan Vassallo
Is-Sur Jonathan Vassallo beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku fl-2006 bħala Programme Manager fi ħdan id-Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet (PPCD). F'dan ir-rwol, huwa kien responsabbli għas-sorveljanza tal-kontroll finanzjarju għad-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni (SPD) 2004-2006 u proġetti ffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni għall-istess perjodu.
Sussegwentement inħatar Senior Manager fi ħdan il-PPCD u wara avvanza għar-rwol ta' Direttur Ġenerali fl-2011. Bħala Direttur Ġenerali, is-Sur Vassallo ngħata l-kompitu li jiżgura l-assorbiment u l-ġestjoni effiċjenti tal-assistenza Ewropea, inklużi l-fondi tal-UE u dawk bilaterali, permezz ta' koordinazzjoni effettiva fost id-dipartimenti, l-awtoritajiet, l-aġenziji u partijiet interessati oħra tal-Gvern.
Matul il-mandat tiegħu, huwa mexxa b'suċċess l-għeluq u t-tlestija tal-SPD 2004-2006, issorvelja l-għeluq tal-Programmi Operattivi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, u mexxa t-tnedija tal-Programmi Operattivi 2014-2020. Huwa kellu wkoll rwol ċentrali fit-twaqqif tal-ewwel Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza (RRP) ta' Malta.
F'Settembru 2022, is-Sur Vassallo nħatar Segretarju Permanenti, u assuma r-responsabbiltà għall-Fondi Ewropej f'Malta. Sal-2024, il-portafoll tiegħu kiber biex jinkludi d-Djalogu Soċjali, ir-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, l-Ugwaljanza, u r-riformi. F'din il-kapaċità, huwa mexxa wkoll id-delegazzjoni ta' Malta fil-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem waqt ir-reviżjoni tal-Kumitat tal-prattiki tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż. F’Mejju 2025, is-Sur Vassallo nħatar bħala Segretarju Permanenti fi ħdan Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.
Is-Sur Vassallo jservi f'diversi bordijiet superviżorji li jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji appoġġati minn finanzjament Ewropew.
Huwa għandu lawrja fil-Public and Private Sector Management, bi speċjalizzazzjoni fil-Public Policy, mill-Università ta' Malta.
Emil Vassallo
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi
Is-Sur Emil Vassallo
Emil Vassallo, li l-professjoni tiegħu hija dik ta’ edukatur, serva f’diversi rwoli fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta matul dawn l-aħħar 32 sena. Kien għalliem, edukatur tal-adulti, Kap ta’ Skola, Prinċipal ta’ Kulleġġ u Direttur Ġenerali fi ħdan id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Wara li telaq mis-settur tal-edukazzjoni sentejn u nofs ilu, huwa laħaq Direttur Ġenerali fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u mexxa t-tim li jappoġġja 68 kunsill lokali u sitt kunsilli reġjonali. Huwa għandu Baċellerat mill-Università ta’ Malta, Postgraduate Diploma fit-Tmexxija, kif ukoll Master of Science fl-ICT fl-Edukazzjoni. Huwa jagħti importanza lir-relazzjonijiet professjonali pożittivi u l-interessi speċjali tiegħu jinkludu t-taħriġ u l-iżvilupp professjonali kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi disponibbli għall-pubbliku u għall-klijenti korporattivi. Fil-ħin liberu tiegħu, huwa jieħu sehem fi tlielaq ta’ distanzi twal fuq livell dilettantesk sa dawk ta’ maratona.
F’Ġunju 2026, is-Sur Vassallo ġie maħtur Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi.
Mark Musù
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja
Is-Sur Mark Musù
Is-Sur Mark Musù daħal fis-Servizz Pubbliku fl-1986, fejn serva f'bosta karigi fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fl-istess Ministeru. Huwa okkupa diversi pożizzjonijiet f'dan id-Dipartiment, sakemm f'Diċembru tal-2005 inħatar Direttur responsabbli mill-Affarijiet Internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
F'Novembru tal-2008, is-Sur Musù nħatar Direttur għall-Iżvilupp Strateġiku u Relazzjonijiet Internazzjonali fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, filwaqt li f'Novembru 2012 inħatar Direttur għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet. Tul dawn is-snin, is-Sur Musù rrappreżenta lil Malta f'diversi kumitati tal-UE, kif ukoll f'kumitati, konferenzi u seminars internazzjonali dwar is-sigurtà soċjali.
F'Marzu tal-2013, is-Sur Musù nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u f'Ġunju 2017 reġa’ nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. F'Novembru 2020 inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. F'April 2022 is-Sur Musù nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Minn April 2022 sa Settembru 2023 hu serva addizzjonalment ta' Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u bejn Lulju u Diċembru 2023 serva addizzjonalment ta' Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat.
Is-Sur Musù attwalment iservi wkoll bħala Chairperson tal-Grupp ta' Ħidma għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet, bħala Deputat Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u Deputat Chairperson tal-Kummissjoni dwar il-Pagi Baxxi.
Huwa wkoll Deputat Chairperson tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA) u membru fuq il-Bord tan-Netwerk tal-Iżvilupp Sostenibbli kif ukoll membru fil-Kumitat Kontra t-Traffikar ta' Bnedmin.
Is-Sur Musù huwa gradwat fl-Amministrazzjoni Pubblika.
Mario Borg
Segretarju Permanenti, Ministeru għal Għawdex
Segretarju Permanenti, Ministeru għal Għawdex
Is-Sur Mario Borg
Mario Borg twieled fl-1975 u beda l-karriera tiegħu mas-servizz pubbliku fl-1994 bħala skrivan mad-Dipartiment tal-VAT. Sussegwentement, huwa pprogressa f’diversi rwoli fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, fejn kiseb esperjenza estensiva f’diversi setturi.
Fl-2004, is-Sur Borg ingħaqad mal-Economic Policy Department - fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi - fejn kien iservi fir-rwol ta’ Economic Officer. Aktar tard, huwa kien jaqdi r-rwol ta’ Economic Analyst. Fl-2015 is-Sur Borg kien appuntat bħala Director of Economic and Business Statistics fi ħdan l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Imbagħad fl-2020, huwa nħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA).
Tul il-karriera tiegħu, is-Sur Borg kien involut f’għadd ta’ diskussjonijiet bilaterali mal-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-Bank Dinji, u anke aġenziji ta’ kreditu. Is-Sur Borg irrappreżenta lil Malta f’diversi gruppi tekniċi ta’ ħidma u kumitati fi ħdan id-DG ECFIN u l-Eurostat. Apparti minn hekk, huwa serva wkoll f’diversi korpi konsultattivi u regolatorji, li fost l-oħrajn jinkludu l-Malta National Blockchain Taskforce, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA u l-Bord tal-Ippjanar.
Tul is-snin, is-Sur Borg ta l-kontribut f’diversi dokumenti pubbliċi li kienu jittrattaw l-oqsma tekniċi u strateġiċi, apparti li ppubblika diversi riċerki dwar il-qasam soċjoekonomiku. Permezz tal-istudju tiegħu fl-Università ta’ Malta, is-Sur Borg kiseb Baċellerat fil-Kummerċ u Masters fl-Island and Small States. Apparti hekk huwa kiseb MSC fil-Public Economics mill-Università ta’ York, fir-Renju Unit.
Ramon Deguara
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet
Is-Sur Ramon Deguara
Is-Sur Ramon Deguara beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku fl-1992. Wara li serva f’numru ta’ rwoli differenti, fl-2013 ġie maħtur Direttur tad-Dipartiment tat-Tindif. Is-Sur Deguara kien protagonist ewlieni fl-iżvilupp ta’ viżjoni strateġika għad-Dipartiment, li eventwalment wasslet biex dan jitkabbar u jsir Diviżjoni fl-2017. Huwa ġie maħtur Direttur Ġenerali u, permezz tal-esperjenza professjonali u analitika tiegħu, ikkontribwixxa sabiex id-Diviżjoni ssir stakeholder ewlieni fis-Settur Pubbliku.
Matul is-snin, il-viżjoni fit-tul tas-Sur Deguara wasslet għall-introduzzjoni ta’ diversi proġetti li aktar ’il quddiem intużaw bħala prattiki tajbin fis-Settur Pubbliku. Huwa introduċa l-Intelliġenza Artifiċjali fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, wassal għall-bidla minn metodi tradizzjonali ta’ tindif għal tagħmir tal-elettriku u tindif awtonomu, u kien figura ċentrali fit-twaqqif ta’ netwerk b’saħħtu bejn id-Diviżjoni u entitajiet governattivi oħra.
Minbarra l-ħidma tiegħu fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, is-Sur Deguara kien involut f’numru ta’ proġetti implimentati matul is-snin mill-Gvern Ċentrali. L-għarfien tekniku tiegħu, il-viżjoni ċara u l-għarfien flessibbli tiegħu kienu kruċjali fl-introduzzjoni ta’ proġetti nazzjonali bħall-mobile reverse vending machines (BCRS).
F’Ġunju 2026, is-Sur Deguara ġie maħtur Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet.
Christopher Cutajar
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Is-Sur Christopher Cutajar
Is-Sur Christopher Cutajar huwa s-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru. Huwa jmexxi l-amministrazzjoni u jikkordina d-dipartimenti kollha fi ħdan il-Ministeru.
Is-Sur Cutajar qiegħed fuq il-Bord tat-Tmexxija tal-Amministraturi tal-Istitut Internazzjonali għall-ġustizzja u s-saltna tad-dritt sa mill-2020. Huwa kiseb Lawrija bl-Unuri, li mbagħad ġiet imsaħħha b'Executive Master’s in Business Administration, it-tnejn mill-Università ta’ Malta. F'żgħożitu kien attivist fi ħdan is-soċjetà ċivili bħala l-mexxej taż-żgħażagħ tal-General Workers’ Union, editur ta’ ġurnal lokali, u uffiċjal finanzjarju tal-kumitat eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Il-karriera tiegħu fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika bdiet fl-2011 fir-rwol ta’ Segretarju Eżekuttiv għall-Kunsilli Lokali u għall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Għal erba’ snin, minn Ġunju 2016, serva bħala Segretarju Permanenti għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. F’dak il-perjodu kkordina proġetti kbar, bħall-proġett ta' Pjazza Tritoni, li ta ħajja ġdida lid-daħla tal-Belt Valletta. F'dak iż-żmien huwa serva wkoll bħala d-Deputat Chairperson tal-Kumitat għas-Sigurtà Marittima.
Bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affartijiet Barranin, Malta intensifikat l-isforzi multilaterali tagħha permezz tas-siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bejn l-2023 u l-2024 u billi assumiet il-Presidenza fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fl-2024, u laħqet il-qofol tagħha bl-organizzazzjoni tal-Kunsill Ministerjali li saret f’Malta f’Novembru tal-istess sena.
Twieled fl-1985 u miżżewweġ b'iben wieħed. Jaf il-Malti, l-Ingliż u t-Taljan. Għandu wkoll ħakma tal-Ispanjol.
Segretarju tal-Kabinett
Is-Sur Ryan Spagnol h5>
Is-Sur Ryan Spagnol ingħaqad mal-amministrazzjoni pubblika fl-2013 bħala Uffiċjal għall-Policy u l-Leġiżlazzjoni tal-UE f’dak li qabel kien jissejjaħ MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee). Is-sena ta’ wara huwa beda jaħdem ma’ Identity Malta, fejn kien responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istruttura organizzattiva ġdida tat-Taqsima tal-Espatrijati, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ policies marbutin ma’ liġijiet nazzjonali u tal-UE. Fl-2015 ġie fdat bit-tmexxija tal-proċess tal-bidla tad-dokumentazzjoni tar-residenza ta’ persuni barranin li jgħixu Malta.
Wara li serva bħala l-Policy Officer tal-aġenzija mill-2018 sal-2019, Ryan Spagnol ingħaqad mal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi biex jikkordina policies u xogħol ieħor marbut mal-migrazzjoni u l-ażil. Kien responsabbli wkoll għall-istrateġija ġenerali tal-Ministeru dwar il-migrazzjoni, l-ippjanar ta’ kontinġenza u r-reviżjoni ta’ policies u liġijiet relatati ma’ dan il-qasam.
Is-Sur Spagnol hu llawrjat b’Bachelor of Commerce in Management and Public Policy u Master of Arts in Public Policy Leadership mill-Università ta’ Malta.