Skont l-Att tal-Amministrazzjoni Pubblika (Kap 595 tal-liġijiet ta’ Malta) l-Amministrazzjoni Pubblika tikkonsisti mill-Gvern ta’ Malta inklużi l-ministeri u d-dipartimenti tiegħu, il-korpi speċjalizzati u l-aġenziji, l-entitajiet tal-Gvern, il-kummissjonijiet u l-bordijiet b’xi eċċezzjonijiet.

Is-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku

Fi kliem sempliċi, l-Amministrazzjoni Pubblika hija l-qalba tal-makkinarju amministrattiv tal-Gvern. Dan hekk kif tamministra r-riżorsi pubbliċi tal-pajjiż u tipprovdi s-servizzi kollha lill-pubbliku.

L-uffiċċjali fi ħdan l-Amministrazzjoni Pubblika huwa regolati b’kodiċi ta’ etika u f’ħidmiethom għandhom iħarsu u jippromwovu dawn il-valuri:

  • L-integrità
  • Ir-rispett
  • Il-lealtà
  • Il-fiduċja
  • Il-kwalità
  • Il-kontabilità
  • L-imparzjalità
  • In-non-diskriminazzjoni
Il-liġijiet ewlenin li jirregolaw l-Amministrazzjoni Pubblika huma l-Kostituzzjoni u l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Ta’ importanza wkoll huma r-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Strumenti oħra li jirregolaw l-Amministrazzjoni huma d-direttivi maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Kodiċi dwar l-Immaniġġjar.