Il-liġijiet ewlenin li jirregolaw is-Servizz Pubbliku huma l-Kostituzzjoni u l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Ta’ importanza wkoll huma r-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Strumenti oħra li jirregolaw is-Servizz Pubbliku huma d-direttivi maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Kodiċi dwar l-Immaniġġjar tas-Servizz Pubbliku.

Il-Kostituzzjoni

Il-Kostituzzjoni fiha diversi dispożizzjonijiet dwar is-Servizz Pubbliku. L-artikolu 124 jiddefinixxi s-Servizz Pubbliku bħala s-servizz tal-Gvern ta’ Malta f’kariga ċivili. L-artikolu 124 jeskludi diversi karigi minn din id-definizzjoni – fost oħrajn dawk ta’ ministri, deputati tal-Parlament, u membri ta’ kummissjonijiet jew kumitati mwaqqfa bil-liġi. Għaldaqstant min għandu xi kariga minn dawn ma jitqiesx bħala impjegat fis-Servizz Pubbliku.

L-istess artikolu jiddefinixxi “kariga pubblika” (public office) bħala kariga bi ħlas fis-Servizz Pubbliku, u “uffiċjal pubbliku” (public officer) bħala persuna maħtura f’kariga pubblika.

Il-Kapitolu X tal-Kostituzzjoni jittratta dwar il-ħatriet u d-dixxiplina fis-Servizz Pubbliku, b’mod partikolari billi jwaqqaf il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Il-Kummissjoni hija korp indipendenti li hija risponsabbli mill-ħatriet u d-dixxiplina fis-Servizz Pubbliku. L-għan tagħha hu li tara li l-ħatriet isiru mingħajr diskriminazzjoni u d-dixxiplina ssir b’ġustizzja.

Ta’ sinjifikat ukoll huwa l-artikolu 92 tal-Kostituzzjoni, li jittratta dwar il-ħatra ta’ Segretarji Permanenti u kapijiet ta’ dipartimenti tal-Gvern.
Image

L-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika

L-Att kurrenti dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (il-kapitolu 595 tal-liġijiet ta’ Malta) sar liġi fl-2019. Dan l-Att ħassar u ssostitwixxa liġi oħra dwar l-amministrazzjoni pubblika (il-kapitolu 497) li kienet ġiet introdotta fl-2009.

L-Att tal-2019 jistabbilixxi l-valuri tal-amministrazzjoni pubblika u kodiċi ta’ etika li japplika mhux biss għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku iżda anke għall-impjegati ta’ entitajiet fil-bqija tas-settur pubbliku. L-Att jispeċifika li min jikser il-valuri jew il-kodiċi jista’ jiffaċċja proċeduri dixxiplinarji.

Dan l-Att jinkludi wkoll provedimenti għal revolving doors kif ukoll iddaħħlet għall-ewwel darba skeda ġdida li telenka pożizzjonijiet vulnerabbli biex tissaħħaħ aktar il-governanza fl-amministrazzjoni pubblika..

L-Att jagħti definizzjoni ta’ x’inhu ministeru u dipartiment tal-Gvern u jispeċifika kif jiġi ffurmat ministeru jew dipartiment ġdid. Din il-liġi tittratta wkoll dwar it-tmexxija tas-Servizz Pubbliku. L-Att joħloq il-kariga ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni (Principal Permanent Secretary). Min jokkupa din il-kariga għandu r-responsabbiltà li jmexxi s-Servizz Pubbliku u jieħu miżuri biex is-Servizz jitjieb. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni għandu diversi setgħat skont l-Att, fosthom li joħroġ direttivi u linji gwida dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija tas-Servizz. L-Att jistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet tas-Segretarji Permanenti u l-kapijiet tad-dipartimenti.

L-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika ma jitkellimx biss dwar is-Servizz Pubbliku iżda fih ukoll dispożizzjonijiet li jirregolaw il-bqija tas-settur pubbliku. L-Att jaħseb għall-ħolqien ta’ “aġenziji tal-Gvern” – entitajiet li jaqgħu taħt id-direzzjoni tas-Segretarju Permanenti f’kull ministeru bħallikieku kienu dipartimenti tal-Gvern, iżda li mhumiex parti mis-Servizz Pubbliku. L-Att jirregola wkoll entitajiet oħra tal-Gvern u jqiegħed anke dawn l-entitajiet taħt is-sorveljanza tas-Segretarji Permanenti, sabiex ikun hemm kordinazzjoni aħjar fl-amministrazzjoni pubblika.

Ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku

L-artikolu 121 tal-Kostituzzjoni tagħti l-fakultà lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li toħroġ regolamenti, bil-kunsens tal-Prim Ministru. Il-Kummissjoni għandha tliet settijiet ta’ regolamenti: ir-Regolamenti Ġenerali tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li jirregolaw il-proċeduri interni tal-Kummissjoni; ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar Ħatriet, li jirregolaw il-ħatriet fis-Servizz Pubbliku; u r-Regolamenti tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn tal-aħħar jittrattaw dwar id-dixxiplina fis-Servizz Pubbliku.

Dawn il-liġijiet jistgħu jinstabu hawn:

Direttivi maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika

L-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika tagħti s-setgħa lis-Segretarju Permanenti Ewlieni li joħroġ direttivi u linji gwida lill-ministeri, id-dipartimenti u l-aġenziji tal-Gvern. Kull direttiva torbot lil min jaqa’ taħtha. Direttiva tista’ wkoll tinkorpora linji gwida li ma jorbtux lilhom infushom, iżda li huma maħsuba biex jassistu lill-impjegati pubbliċi fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tat-tali direttiva.

Inħarġu numru ta’ direttivi taħt dan l-Att. Fost l-oħrajn id-Direttiva 4 tistabbilixxi kriterji ta’ kwalità li magħhom għandhom jimxu organizzazzjonijiet governattivi fl-għoti ta’ servizzi. Id-Direttiva 8 tistipula żmien li fih għandhom jiġu proċessati talbiet mingħand uffiċjali pubbliċi dwar affarijiet li jolqtuhom personalment (bħal pereżempju talbiet għal-leave. Jekk iż-żmien stipulat jinqabeż, it-talba tal-uffiċjal tiġi milqugħa awtomatikament.