image

Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli

Is-Sur Emanuel Psaila

Emanuel Psaila twieled fl-1968 f'Marsaxlokk iżda trabba ż-Żejtun. 


Huwa ngħaqad mas-Servizz Pubbliku fl-1986 u wara sentejn apprentistat beda jaħdem fit-taqsima tar-restawr tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta.


Fl-1999 daħal bħala rekluta fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bħala parti mill-ewwel reklutaġġ ta' dan id-dipartiment li kien għadu kemm twaqqaf. Għal 16-il sena ħadem fil-qasam tal-assistenza u s-salvataġġ, sakemm beda jagħmel parti mill-amministrazzjoni tad-dipartiment – l-ewwel bħala Manager għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u mbagħad bħala Deputat Direttur. F'April 2017 sar il-ħames Direttur tal-Protezzjoni Ċivili u tliet snin wara nħatar Direttur Ġenerali tal-istess dipartiment.


Matul il-karriera tiegħu serva wkoll f'diversi kumitati u bordijiet, fosthom bħala President tal-Assoċjazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili għal 14-il sena, membru fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u membru fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. 


Emanuel Psaila huwa ggradwat b'Baċellerat tal-Arti fil-Malti u Masters fil-Letteratura Maltija. Rebaħ diversi unuri letterarji u l-kitbiet tiegħu ġew ippubblikati f'rivisti u antoloġiji.


Fl-2021 ġie dikjarat bħala Kap tas-Sena fil-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena. F'April 2022, is-Sur Psaila ġie appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u Ugwaljanza, u f'Settembru 2023 inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.


Huwa miżżewweġ u missier ta' tifla.