Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Is-Sur Christopher Cutajar
Is-Sur Christopher Cutajar huwa s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, li huwa responsabbli wkoll mill-Kummerċ Internazzjonali. Huwa jmexxi l-amministrazzjoni u jikkordina d-dipartimenti kollha fi ħdan il-Ministeru.
Il-karriera tiegħu fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika bdiet fl-2011 fir-rwol ta’ Segretarju Eżekuttiv għall-Kunsilli Lokali u għall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Minn Ġunju 2016 serva bħala Segretarju Permanenti għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali għal erba’ snin. F’dak il-perjodu kkordina proġetti kbar, bħall-proġett ta’ Pjazza Tritoni, li ta ħajja ġdida lid-daħla tal-Belt Valletta. F’dak iż-żmien serva wkoll bħala d-Deputat Chairperson tal-Kumitat għas-Sigurtà Marittima.
Bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affartijiet Barranin ħadem qrib il-Ministru għall-Affarijiet Barranin sabiex tiġi ppubblikata l-Istrateġija għall-Politika Barranija ta’ Malta, li ġiet ippubblikata fl-2022, kif ukoll dokumenti oħra li fasslu l-Politika Barranija ta’ Malta, fosthom id-Dikjarazzjoni għall-Politika Barranija 2025-2026 u l-Qafas għall-Poltika Reġjonali li fasslu l-approċċ ta’ Malta madwar bosta reġjuni.
Matul dan il-perjodu, is-Sur Cutajar ikkordina l-isforzi multilaterali ta’ Malta permezz tas-siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bejn l-2023 u l-2024; u billi Malta assumiet l-Presidenza fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fl-2024, u laħqet il-qofol tagħha bl-organizzazzjoni tal-Kunsill Ministerjali li sar hawn f’Novembru tal-istess sena; kif ukoll matul il-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa bejn Mejju u Novembru tal-2025.
Bejn Diċembru 2024 u Ġunju 2026, is-Sur Cutajar kien ukoll is-Segretarju Permanenti responsabbli mit-Turiżmu, meta dal-qasam kien qed jagħmel parti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu.
Is-Sur Cutajar kiseb Lawrija bl-Unuri, li mbagħad ġiet imsaħħa b’Executive Master’s in Business Administration, it-tnejn mill-Università ta’ Malta. Huwa studja wkoll il-Liġi tal-Baħar fl-Akkademja tas-Sajf tat-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar ġewwa Amburgu.
F'żgħożitu kien attivist fi ħdan is-soċjetà ċivili bħala l-mexxej taż-żgħażagħ tal-General Workers’ Union, editur ta’ ġurnal lokali, u uffiċjal finanzjarju tal-kumitat eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Is-Sur Cutajar iħobb il-qari, b’interess partikolari dwar il-letteratura u l-istorja.
Twieled fl-1985 u miżżewweġ b’iben wieħed. Jaf il-Malti, l-Ingliż u t-Taljan. Għandu wkoll ħakma tal-Ispanjol.