
Segretarju Permanenti, Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva
Dr Renzo De Gabriele
Dr Renzo De Gabriele huwa tabib tal-familja b’aktar minn tletin sena esperjenza jaħdem fis-servizz pubbliku.
Huwa ggradwa bħala tabib tal-Mediċina u l-Kirurġija mill-Università ta’ Malta fl-1995 u ngħata Ċertifikat fil-Kura tad-Dijabete mill-Kulleġġ Irlandiż tat-Tobba tal-Familja fl-2008. Huwa wkoll Speċjalista fil-Mediċina tal-Familja, u Fellow tal-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja. Huwa wkoll trainer espert fil-mediċina tal-familja u ta diversi korsijiet nazzjonali u internazzjonali f’diversi livelli biex iħarreġ lit-tobba tal-familja bħala trainers fil-mediċina tal-familja.
Fl-2011, Dr De Gabriele nħatar Assistent Direttur (Amministrazzjoni) fid-Dipartiment tal-Kura Primarja fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u fl-2013, inħatar Kap Eżekuttiv tal-istess dipartiment. Fl-2019, imbagħad, inħatar Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fejn kellu rwol strumentali fit-tisħiħ tas-servizzi eżistenti kif ukoll fl-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda. Servizzi ġodda mnedija mill-2019 ’l hawn jinkludu s-servizz tat-Telecare on the Move, is-servizz tal-flebotomija domiċiljari, servizz ta’ trasport bla ħlas għall-anzjani (is-servizz tas-Silver T) madwar Malta u Għawdex, servizzi ta’ psikoterapija komunitarja għall-anzjani, kiri ta’ sodod motorizzati għall-klijenti li ma jistgħux joħorġu mid-dar, l-iskema tal-għajnuna fid-dar tal-għażla tiegħek, u servizzi ta’ dijetista domiċiljari. Dr De Gabriele fassal pjan li twettaq għall-ftuħ ta’ diversi ċentri ġodda għall-anzjanità attiva f’postijiet differenti f’Malta, kif ukoll żewġ ċentri ġodda għall-klijenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja. Servizzi ta’ kura residenzjali raw l-introduzzjoni ta’ diversi servizzi ġodda bħal infermiera speċjalizzati fil-kura paljattiva. Tnieda programm ta’ rinnovazzjoni tad-djar kollha tal-gvern, fejn tlestiet ir-rinnovazzjoni tad-Dar Residenzjali tal-Furjana, u d-djar residenzjali l-oħra mmexxija mill-gvern qegħdin jiġu rinnovati radikalment. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hija strumentali fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023 - 2030 filwaqt li, permezz tad-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja fi ħdanha, kienet ukoll strumentali fil-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni li għaddejja bħalissa tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja 2024 - 2031.
Fl-2023, Dr De Gabriele ngħata l-premju għall-Aqwa Maniġer fil-Premjijiet Nazzjonali tal-Ħaddiem tas-Sena u mexxa lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex jinkisbu tliet premjijiet nazzjonali oħra bis-servizz tas-Silver T jingħata l-Premju għall-Aqwa Servizz Innovattiv fil-Malta National Transport Awards, il-Proġett Dar Padova ngħata l-Aqwa Proġett fil-Public Service Awards u d-Direttorat tad-Dimensja ngħata l-Premju għall-Aqwa Unit fil-Premjijiet Nazzjonali tal-Ħaddiem tas-Sena.