
Segretarju Permanenti, Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar
Is-Sur Mario Borg
Mario Borg twieled fl-1975 u beda l-karriera tiegħu mas-servizz pubbliku fl-1994 bħala skrivan mad-Dipartiment tal-VAT. Sussegwentement, huwa pprogressa f’diversi rwoli fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, fejn kiseb esperjenza estensiva f’diversi setturi.
Fl-2004, is-Sur Borg ingħaqad mal-Economic Policy Department - fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi - fejn kien iservi fir-rwol ta’ Economic Officer. Aktar tard, huwa kien jaqdi r-rwol ta’ Economic Analyst. Fl-2015 is-Sur Borg kien appuntat bħala Director of Economic and Business Statistics fi ħdan l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Imbagħad fl-2020, huwa nħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA).
Tul il-karriera tiegħu, is-Sur Borg kien involut f’għadd ta’ diskussjonijiet bilaterali mal-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-Bank Dinji, u anke aġenziji ta’ kreditu. Is-Sur Borg irrappreżenta lil Malta f’diversi gruppi tekniċi ta’ ħidma u kumitati fi ħdan id-DG ECFIN u l-Eurostat. Apparti minn hekk, huwa serva wkoll f’diversi korpi konsultattivi u regolatorji, li fost l-oħrajn jinkludu l-Malta National Blockchain Taskforce, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA u l-Bord tal-Ippjanar.
Tul is-snin, is-Sur Borg ta l-kontribut f’diversi dokumenti pubbliċi li kienu jittrattaw l-oqsma tekniċi u strateġiċi, apparti li ppubblika diversi riċerki dwar il-qasam soċjoekonomiku. Permezz tal-istudju tiegħu fl-Università ta’ Malta, is-Sur Borg kiseb Baċellerat fil-Kummerċ u Masters fl-Island and Small States. Apparti hekk huwa kiseb MSC fil-Public Economics mill-Università ta’ York, fir-Renju Unit.