
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali
Is-Sur Sharlo Camilleri
Is-Sur Sharlo Camilleri twieled fl-20 ta’ Frar, 1976, huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal. Huwa gradwa mill-Università ta’ Malta b’Diploma fl-Agrikoltura u M.Sc. fil-Ġestjoni Ambjentali u l-Ippjanar, u B.Sc. (Hons.) fil-Ġeografija mill-Università ta’ Londra.
Is-Sur Camilleri beda l-karriera tiegħu fil-qasam agrikolu bħala student-ħaddiem fid-Dipartiment tal-Agrikoltura u ngħaqad mas-Servizz Pubbliku f’Settembru tal-1997. Matul l-ewwel snin ta’ servizz tiegħu kien involut f’attivitajiet u netwerks ta’ riċerka, programmi ta’ monitoraġġ, servizzi ta’ konsulenza fil-biedja, u appoġġ tekniku għall-politika agrikola.
F’Awwissu 2006 beda l-ħidma tiegħu fl-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali. Minn dakinhar kellu karigi ta’ tmexxija għolja u dejjem kien involut fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. Hu okkupa l-karigi ta’ Deputising Director Operations tal-Aġenzija għall-Pagamenti, Kap Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, Direttur għas-Saħħa tal-Pjanti u Direttur Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali.
Huwa serva f’diversi kumitati u bordijiet governattivi, fosthom membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura, kif ukoll Chairperson tal-Agriculture Advisory Committee u tal-Kumitat tal-Għażla tal-Proġett taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali. Huwa serva wkoll bħala l-ispokesperson fil-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
F’Jannar 2020 huwa nħatar bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u Drittijiet tal-Annimali, u aktar tard f’Novembru 2020 żdiedlu l-portafoll tal-ikel biex sar il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali. F’April 2022 kien ikkonfermat bħala s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru li reġa’ bidel ismu għall-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali; kariga li reġa’ ġie appuntat fiha f’Jannar 2024.