image

​Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi

Is-Sur Godwin Mifsud

Is-Sur Godwin Mifsud beda jaħdem fis-Servizz Pubbliku fl-2001 bħala Uffiċjal tal-Ekonomija u serva fid-Dipartiment għall-Politika Ekonomika fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi f’diversi karigi matul dan il-perjodu. Fl-2011, hu kien appuntat Direttur (Riċerka Ekonomika Strutturali) u aktar tard Direttur Ġenerali (Politika Ekonomika) fl-2015. Taħt it-tmexxija tas-Sur Mifsud, id-Dipartiment stabbilixxa ruħu fi rwol konsultattiv fil-qasam tal-politika ekonomika, b’enfasi fuq l-evidenza empirika.


Matul is-snin, is-Sur Mifsud irrappreżenta lil Malta f’diversi formazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, kien il-Kap tad-Delegazzjoni ta’ Malta għall-Kumitat għall-Politika Ekonomika, li huwa wieħed mill-korpi preparatorji tal-Kunsill ECOFIN. Huwa serva wkoll bħala Chairman tal-Grupp dwar ix-Xjuħija tal-Popolazzjoni u s-Sostenibilità tal-Finanzi Pubbliċi fi ħdan l-istess Kumitat. Is-Sur Mifsud mexxa numru ta’ delegazzjonijiet f’laqgħat ma’ istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom mal-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.


F’Settembru 2022, is-Sur Mifsud kien appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.  F’Jannar 2024, wara bidla fid-dekasteri, ingħata wkoll ir-responsabilità għad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi. Is-Sur Mifsud kien appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi f’Jannar 2025.


Is-Sur Mifsud iservi wkoll fuq numru ta’ bordijiet u kumitati tal-Gvern. Huwa studja kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit u huwa formalment kwalifikat fil-livell postgradwatorju fl-Ekonomija u fil-Politika Pubblika.