
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ġustizzja u Riforma tal-Bini tas-Settur tal-Kostruzzjoni
Is-Sur Johan Galea
Is-Sur Johan Galea ilu jservi bħala Segretarju Permanenti fis-settur tal-Ġustizzja minn Diċembru 2016. Fil-bidu, huwa kellu dan ir-rwol fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Wara nomina mill-ġdid tal-Ministeru f’Jannar 2020, hu kompla jservi bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza u minn April 2022 fil-Ministeru għall-Ġustizzja. Fi Frar 2022 ħa wkoll ir-rwol ta’ Segretarju Permanenti għall-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali; fl-istess waqt serva ż-żewġ Ministeri għal disa’ xhur. F’Jannar 2024 inħatar Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Ġustizzja u Riforma tal-Bini tas-Settur tal-Kostruzzjoni.
Is-Sur Galea ngħaqad mas-Servizz Pubbliku fl-1991 fil-grad ta’ għalliem, u mill-2004 sal-2009 serva bħala Assistent Kap ta’ Skola u Kap ta’ Skola. Fl-2009, is-Sur Galea nħatar Assistent Direttur fid-Diviżjoni tal-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Wara, fl-2012, inħatar Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumaturi u fl-2013 okkupa l-istess irwol fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali. Fl-2015, is-Sur Galea nħatar Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti.
Is-Sur Johan Galea gradwa mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat fl-Arti fil-Psikoloġija u s-Soċjoloġija, kif ukoll b’Ċertifikat ta’ Post-Gradwat fl-Edukazzjoni u b’Diploma fl-Amministrazzjoni u Immaniġġjar Edukattiv.