image

Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol

Is-Sur Ronald Mizzi

Ronald Mizzi huwa uffiċjal pubbliku Malti b’esperjenza vasta ta’ aktar minn għoxrin sena fil-qasam tal-ippjanar ekonomiku, affarijiet tal-UE, u żvilupp ta’ politika strateġika. Grazzi għal din l-esperjenza li kiseb matul is-snin okkupa diversi karigi għoljin fi ħdan il-Gvern.

F’Ġunju 2026 ġie maħtur bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u qabel dil-ħatra kien qed jokkuppa l-kariga ta’ Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn kien responsabbli mill-Malta Vision 2050, u l-Implimentazzjoni u Kordinazzjoni.

Tragward importanti kien it-tmexxija tiegħu tal-eżerċizzju Malta Vision 2050, inizjattiva ewlenija ta’ viżjoni strateġika nazzjonali li għandha l-għan li tiddefinixxi l-għanijiet fit-tul ta’ Malta partikolarment dawk ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Permezz ta’ proċess inklussiv u orjentat lejn il-futur, Is-Sur Mizzi mexxa’ djalogu wiesa’ bejn il-gvern, in-negozji, is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ sabiex il-prijoritajiet nazzjonali jiġu allinjati mal-isfidi globali emerġenti u l-opportunitajiet tal-futur. Malta Vision 2050 għandha sservi bħala qafas unifikanti biex tiggwida d-deċiżjonijiet pubbliċi u privati għad-deċennji li ġejjin - ibbażata fuq is-sostenibbiltà, il-kwalità tal-ħajja, l-innovazzjoni u r-reżiljenza.

Bejn l-2022 u l-2024 serva bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi (2022 - 2024). F’din il-kariga kien responsabbli għall-iżvilupp ekonomiku, l-investiment dirett barrani, l-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali u l-politika dwar l-intrapriża.

Bejn l-2017 u l-2022, Mizzi serva bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu, fejn mexxa s-settur turistiku Malti f’perjodu ta’ tkabbir rekord kif ukoll waqt l-isfidi bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19. Kien strumentali fl-irkupru sostenibbli tas-settur u beda proċess ta’ trasformazzjoni fit-tul ibbażat fuq il-kwalità. Il-portafoll tiegħu kien jinkludi wkoll l-avjazzjoni, il-partnerships pubbliċi-privati, l-industrija tal-film, il-protezzjoni tal-konsumatur u t-trasport estern.

Qabel dan, bħala Segretarju Permanenti għall-Enerġija u aktar tard fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (2014 - 2017), Mizzi kellu rwol ċentrali fir-riformi fis-settur tal-enerġija - b’fokus fuq investimenti fl-infrastruttura, modernizzazzjoni regolatorja, u partnerships pubbliċi-privati fil-politika dwar l-enerġija u l-ilma.

Fil-bidu tal-karriera tiegħu, huwa kellu rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE, fejn kien strumentali fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-koordinazzjoni tal-finanzjament fuq livell nazzjonali.

Oriġinarjament minn Ħaż-Żabbar, Mizzi għandu Master fl-Istudji Ewropej u Baċellerat fir-Relazzjonijiet Internazzjonali mill-Università ta’ Malta. Huwa attenda diversi programmi ta’ taħriġ speċjalizzat, serva fuq bosta bordijiet u kumitati tal-gvern, u rrappreżenta lil Malta f’diversi negozjati u laqgħat internazzjonali ta’ livell għoli, speċjalment fil-qasam tal-enerġija, it-turiżmu, l-affarijiet tal-UE u l-politika ekonomika. Dawn l-esperjenzi tawh kapaċità soda biex jaħdem b’mod effettiv f’ambjenti kumplessi u b’ħafna partijiet interessati - kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.