Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Il-volontarjat huwa importanti għall-komunitajiet tagħna. Fi ħdan l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, fi Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt Valletta, hemm ammont ta’ voluntiera li jiddedikaw ftit mill-ħin tagħhom f’dan l-Uffiċċju.
Dawn il-voluntiera huma nies ta’ paċenzja u amor proprju għall-wirt intanġibbli dokumentarju li fih jiġbor l-istorja tal-gżejjer Maltin. L-istorja ta’ Malta u dak kollu li jsawwarna huma ferm għal qalbhom. Imħeġġin minn dan is-sens nazzjonali, huma jiddedikaw ftit mill-ħin tagħhom biex jgħinu lill-Arkivju Nutarili Ewlieni fid-diġitalizzazzjoni tal-volumi nutarili antiki li jikkonsistu f’bosta kuntratti u dokumenti li jagħtu kuntest lill-istorja ta’ Malta u Għawdex. Mhux biss kuntratti ta’ proprjetà, iżda wkoll kummissjonijiet ta’ opri artistiċi, spjega ta’ riċetti, kitba ta’ leġġendi, u servizzi nazzjonali, fost ħafna oħrajn.
L-ewwel ingaġġ ta’ voluntiera fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern sar fl-2021, meta Malta – flimkien mal-kumplament tad-dinja – kienet qed tiffaċċja pandemija dinjija. Madankollu, sa mill-bidu tiegħu kien evidenti li dan il-volontarjat ġdid kien ser ikun storja ta’ suċċess, kif fil-fatt baqa’ sal-lum il-ġurnata. Dan wara l-interess li bosta persuni wrew fis-snin li għaddew u l-esperjenzi pożittivi li kisbu fix-xogħol tal-Arkivju Nutarili Ewlieni.
Il-voluntiera jgħinu fid-diversi proġetti tal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern partikolarment fid-diġitalizzazzjoni tal-volumi fl-Arkivju Nutarili Ewlieni. Permezz ta’ dan il-volontarjat, l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern ser ikompli jagħti ruħ ġdida lill-Arkivju Prinċipali tiegħu billi jagħmlu dejjem aktar aċċessibbli b’mezzi elettroniċi online. Fuq kollox, din id-diġitalizzazzjoni ser tgħin ukoll biex il-volumi fl-Arkivju Prinċipali jinżammu priservati aħjar, bosta minnhom b’dokumenti li jmorru lura sas-Seklu 15!
Jekk tixtieq tkun parti minn din l-esperjenza u tingħaqad ma’ persuni oħrajn li bħalek għandhom l-istess passjoni għall-wirt dokumentat, u tista’ toffri ftit ħin prezzjuż minn tiegħek filgħodu, waranofsinhar u anke filgħaxija, issa huwa l-waqt tiegħek. Anke ftit sigħat jagħmlu differenza kbira. Tista’ tikkuntattja lill-Arkivji Notarali fuq 22479800 jew b’email lil [email protected].