Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Qabel, studenti tal-Mediċina kienu jiġu mħarrġa kif jagħrfu ċ-ċelloli fit-tessuti tal-bniedem. Dan it-taħriġ kien importanti sabiex jagħrfu minn liema organu ġejjin dat-tessuti u jekk hemmx xi anomaliji f’dawn iċ-ċelloli, pereżempju xi ċelloli malinnji, li jkunu indikattivi għall-kanċer. Dat-taħriġ kien jirrikjedi sigħat sħaħ ta’ eżaminar ta’ dawn iċ-ċelloli taħt mikroskopju.
Dak iż-żmien ħadd qatt ma kien jimmaġina li ser jasal żmien fejn il-mikroskopji ser jitwarrbu fil- ġenb. Però dan iż-żmien wasal u llum it-tessuti li jitneħħew minn kirurgi qed jiġu pproċessati fil-laborotorju tal-patoloġija ċellulari tal-Isptar Mater Dei. Dawn it-tessuti jitpoġġew f’xemgħa maħlula u mbagħad jitqattgħu felli felli, ħxuna ta’ ċellola waħda. Minn hawnhekk, dawn iċ-ċelloli jitpoġġew fuq ħġieġa sabiex il-patologu (speċjalista fil-patoloġija ċellulari) ikun jista’ jistudja l-morfoloġija ta’ dawn iċ-ċelloli u jirrapporta lura lill-klinku li jkun qed jieħu ħsieb il-pazjent. Bis-saħħa ta’ din il-bidla diġitali, minflok mikroskopji qed jintużaw high definition scanners li jħarsu lejn iċ-ċelloli permezz ta’ 4k monitors. L-immaġni hija ċara daqs il-kristall u tista’ titkabbar, tiċċekken u ssir marka jew marki fuqha bl-użu tal-kompjuter. B’hekk il-patologu jkun jista’ jikkumpara dawn iċ-ċelloli ma’ ċelloli oħrajn tal-pazjent li kienu ġew analizzati snin ilu. Issa m’hemmx għalfejn issir talba biex tinġieb il-blokka jew slides tal-passat għaliex dawn l-immaġini qegħdin kollha mmemorizzati fis-server diġitali tad-dipartiment. Għaldaqstant ir-rapport joħroġ b’aktar ħeffa u preċiżjoni. Jekk ikun hemm bżonn parir ta’ patologi speċjalizzati barra minn xtutna, dawn l-immaġini jistgħu jiġu trasferiti immedjatament b’mod diġitali, mingħajr il-bżonn ta’ ġarr fiżiku ta’ dawn il-kampjuni u immaġini.
Għalkemm din il-bidla diġitali tidher bħala xi ħaġa sempliċi, fil-prattika għandha diversi sfidi. L-akbar diffikultà hija li dawn l-immaġini li huma tant fid-dettall fejn juru ċ-ċelloli individwali, jokkupaw ħafna memorja fuq il-kompjuter, jew digital storage space fuq is-servers. Għal min jifhem, kull xahar ikun hemm bżonn madwar seba’ terrabytes ta’ spazju sabiex jinżammu l-immaġini tat-tessuti li jkunu ntbagħtu mill-kollegi kirurgi. Barra minn hekk, dawn l-iscanners, 4k monitors, kompjuters u servers iqumu ħafna flus. L-ispiża ta’ dan l-investiment telgħet ghal tliet miljun ewro, li tmenin fil-mija minnhom ġew iffinanzjati minn fondi Ewropej (Recovery and Resilience plan c4-12: enhancing the resilience of the health system through digitalisation and new technologies).
Sabiex titjieb il-preċiżjoni waqt il-fażi tad-dijanjosi u l-ippjanar għall-kura tal-pazjent, qed jintużaw numru ta’ immunohistochemical stains li jagħtu indikazzjoni ċara dwar l-aħjar kura li tista’ tingħata kontra dawn iċ-ċelloli malinnji. Din hija l-qofol tal-kunċett ta’ kura personalizzata, li biha tippermetti l-għażla ta’ terapija li biha tista’ twassal għall-fejqan mill-kanċer.
Waqt konferenza li saret matul il-Public Service Expo Village ’25, tħabbret it-tlestija ta’ dan il -proġett tal-patoloġija diġitali. Dan l-investiment ser jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-karti u jgħin biex jibni servizz ta’ saħħa iżjed sostennibbli anke permezz tat-telepatoloġija. Matul din il-konferenza, il- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega kif dan l-investiment diġitali ser ikun qed jiżgura trattament aktar veloċi u personalizzat lill-pazjenti.