Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
F’dawn l-aħħar snin, id-dinja tal-isport kienet esposta għal diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ etika u każijiet ta’ korruzzjoni. Hekk kif l-atleti Maltin qed ikomplu jiksbu riżultati dejjem aħjar fix-xena internazzjonali, żdiedet ukoll il-pressjoni fuqhom sabiex jirnexxu, fatt li jista’ jwassal għal riskju ta’ mġiba mhux sportiva u nuqqas ta’ integrità. F’dan il-kuntest, ir-rwol ta’ governanza b’saħħitha u sorveljanza pubblika huwa aktar importanti minn qatt qabel.
L-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) għandha rwol ċentrali fis-salvagwardjar tal-valuri tal-isport. Il-funzjoni ewlenija tagħha hija li tippromwovi u tirregola ambjent sportiv sigur, ġust u b’saħħtu f’Malta. L-AIMS taħdem permezz ta’ dipartimenti speċjalizzati u mħarrġa li huma ppreparati biex jidentifikaw, jipprevjenu u jindirizzaw theddid għall-integrità fl-isport, inkluż il-manipulazzjoni, l-imġiba mhux etika u l-korruzzjoni.
L-uffiċjali pubbliċi li jaħdmu fi ħdan l-AIMS u fis-settur usa’ tal-integrità fl-isport iġorru responsabbiltà kbira. Ir-rwol tagħhom imur lil hinn mir-regolamentazzjoni u l-infurzar; huma l-gwardjani għal sport nadif, it-trasparenza u l-istandards etiċi. Permezz ta’ monitoraġġ, edukazzjoni, u kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, l-impjegati pubbliċi jgħinu biex jiżguraw li l-atleti jikkompetu fuq livell bażi ġusta, ħielsa minn influwenzi jew pressjonijiet mhux xierqa.
L-AIMS hija impenjata bis-sħiħ li tressaq ’il quddiem prinċipji bħall-onestà, ir-rispett u r-responsabbiltà permezz ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet sportivi, entitajiet governattivi u l-komunità inġenerali. Dan l-approċċ kollettiv jirrikonoxxi li l-ħarsien tal-integrità fl-isport huwa responsabbiltà maqsuma. Titjib kontinwu, għarfien u appoġġ b’saħħtu huma essenzjali biex jinżammu l-valuri li jagħmlu l-isport sinifikanti.
Billi tippromwovi l-integrità u l-imġiba etika f’kull livell, l-AIMS u l-uffiċjali pubbliċi tagħha jgħinu biex jiżguraw li l-isport f’Malta jibqa’ xi ħaġa li niftaħru biha li twassal għal żvilupp personali u impatt soċjali pożittiv għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
L-Għanijiet tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti:
• Tippromwovi l-integrità: Tħeġġeġ kultura ta’ onestà u mġiba etika fl-isport Malti.
• Tiġġieled il-manipulazzjoni: Tiżviluppa u timplimenta strateġiji biex tipprevjeni, u tirrapporta l-manipulazzjoni fl-isport.
• Tiżgura kompetizzjoni ġusta: Tistabbilixxi u tinforza regoli li jiggarantixxu opportunitajiet indaqs għall-atleti kollha.
• Teduka lill-partijiet interessati: Tipprovdi programmi edukattivi dwar l-integrità fl-isport għall-atleti, kowċis, uffiċjali u amministraturi.
• Tikkollabora bi sħab: Tibni relazzjonijiet sodi ma’ organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali u internazzjonali biex tinqasam l-aħjar prattika u r-riżorsi.
• Tinvestiga mġiba ħażina: Twettaq investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar allegat ksur tal-integrità.
• Tinforza r-regolamenti: Timplimenta u żżomm miżuri dixxiplinarji stretti kontra ksur tal-integrità.
• Issaħħaħ it-trasparenza: Tippromwovi komunikazzjoni miftuħa u responsabbiltà fil-governanza sportiva.
• Tissalvagwardja lill-atleti: Tipproteġi l-benesseri u d-drittijiet tal-atleti f’kull livell ta’ kompetizzjoni.
• Tissorvelja x-xejriet: Tibqa’ attenta għal theddid emerġenti għall-integrità fl-isport u tadatta l-istrateġiji skont il-bżonn.
Aktar informazzjoni dwar l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku www.aims.org.mt.