Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Wasal biex jibda t-tieni semestru tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi (IPS). Jekk kont beħsiebek tapplika għal xi wieħed mill-korsijiet skedati bejn Marzu u Lulju, jew jekk xtaqt tattendi xi kors ieħor minn dawk offruti imma ma kontx ilħaqt applikajt sa Settembru, issa huwa ċ-ċans għax l-IPS ser ikun qed jerġa’ jilqa’ applikazzjonijiet għall-kumplament tas-sena akkademika. L-applikazzjonijiet ser ikunu miftuħa bejn id-9 ta’ Jannar u l-15 ta’ Frar 2023 biss. Mela aħjar tagħti titwila lejn il-lista ta’ korsijiet offruti dis-sena billi tidħol hawn. Għal tagħrif iktar dettaljat dwar kull kors tista’ tara l-Prospectus sħiħ. U ħu ħsieb dawk id-dati!
Kulħadd jaf li t-taħriġ fuq bażi regolari jgħinna nżommu ruħna aġġornati u jgħinna nagħmlu xogħolna aħjar. Is-sens ta’ sodisfazzjon li tieħu meta tagħmel biċċa xogħol sew, iżommna dejjem iktar motivati li niġu x-xogħol għal qalbna. Is-Servizz Pubbliku jinvesti sew f’dawn l-inizjattivi ta’ żvilupp u jkun ta’ ġid għalina u għall-karriera tagħna li nagħmlu użu tajjeb minnhom. Wara kollox, ma jagħmilx ħażin li kultant nieqfu għal ftit sigħat mir-rutina ta’ kuljum ħalli ntejbu l-ħiliet tagħna – jew anke niżviluppaw oħrajn ġodda.
Jekk tixtieq issir taf iktar dwar il-programmi tagħna, nieħdu pjaċir jekk tiktbilna fuq [email protected] Qegħdin hemm biex ngħinuk.