Nipproteġu l-Baħar Tagħna – Tindif tal-Kosta u Taħt il-Baħar
Il-Park Nazzjonali tas-Salini jgħaqqad flimkien ir-rikreazzjoni, il-konservazzjoni u l-wirt naturali f’wieħed mill-aktar ambjenti distintivi fit-Tramuntana ta’ Malta.
Jinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Qawra u jkopri madwar 49,000 metru kwadru ta’ pajsaġġ naturali u terrazzi. Il-park ġie ddisinjat biex jipprovdi spazju miftuħ għall-pubbliku filwaqt li jirrispetta l-karattru rurali u ambjentali taż-żona.
Fih tħawlu aktar minn 12,000 siġra indiġena, fosthom iż-żnuber, il-balluta Mediterranja, ir-rand, il-mirtu, id-deru, iż-żebbuġ, ir-rummien u s-siġra tal-virgi. Dawn tħawlu bħala parti mill-kampanja 34U, u jkomplu jsaħħu l-valur ekoloġiku u l-pajsaġġ tal-inħawi.
Il-karattru tradizzjonali tal-park huwa msaħħaħ minn meded ta’ ħitan tas-sejjieħ, filwaqt li l-viżitaturi jistgħu jagħmlu użu minn faċilitajiet bħal bandli, tagħmir tal-fitness fuq barra, imwejjed tal-piknik, kafetterija, latrini u parkeġġ pubbliku. Ambjent Malta għandha r-responsabbiltà diretta għall-ġestjoni tal-Park Nazzjonali tas-Salini.
Iżda s-Salini huwa wkoll żona ta’ importanza ambjentali ferm akbar. Ir-Riżerva Naturali tas-Salini, fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, tifforma parti minn ambjent ta’ art mistagħdra mielħa li tkopri madwar 154,000 metru kwadru. Is-sit, li oriġinarjament kien port, jinkludi wkoll numru ta’ salini mibnija fuq art irkuprata.
Flimkien mas-Simar, is-Salini huwa sit NATURA 2000 ġestit minn BirdLife Malta b’kollaborazzjoni ma’ Ambjent Malta. Dawn l-artijiet mistagħdra joffru ħabitat rari fil-Gżejjer Maltin u kenn importanti kemm għall-għasafar residenti kif ukoll għal dawk migratorji.
Permezz ta’ fondi nazzjonali u miżuri ta’ konservazzjoni kontinwi, Ambjent Malta tappoġġja l-ħarsien u t-titjib ta’ dawn is-siti, biex is-Salini jibqa’ spazju fejn il-pubbliku jista’ jgawdi n-natura filwaqt li jiġu protetti l-ħabitats u l-bijodiversità għall-ġenerazzjonijiet futuri.