Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Dan l-aħħar, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD) fi ħdan is-Servizz Pubbliku Malti ħabbret investiment kbir ta’ €17-il miljun għax-xiri ta’ 83 vettura elettrika ġdida bil-għan li ssaħħaħ it-tindif u l-manutenzjoni tat-toroq madwar Malta u Għawdex. Dan l-investiment wasal fi żmien kruċjali billi s-CMD qed issaħħaħ l-operat tagħha matul ix-xhur impenjattivi tas-sajf, meta d-domanda għas-servizzi tat-tindif tkun fl-aqwa tagħha.
Dan l-investiment jinkludi fost oħrajn magni ġodda fjamanti tat-tindif u tagħmir speċjalizzat li jaħdem bl-elettriku bħal sweepers, pressure washers u vetturi żgħar li jiġbru l-iskart. Kollha kemm huma, iddisinjati biex itejbu l-effiċjenza tal-operat billi ma jagħmlux storbju li jdejjaq lir-residenti u ma jniġġsux l-arja. B’dan il-mod, is-CMD mhux biss qed timxi bl-eżempju biex tħares l-ambjent iżda tkompli tassigura li tipprovdi ambjent aktar nadif b’mod effiċjenti u fuq kollox, iktar spedit f’kull lokalità.
It-tagħmir il-ġdid diġà qed jintuża b’mod effettiv, speċjalment f’żoni li huma ta’ kalamita għan-nies fosthom fil-bajjiet u xtut, pjazez tal-irħula u żoni fejn isiru attivitajiet. Dawn il-magni moderni qed ikunu ta’ spalla kbira għall-ħaddiema tas-CMD biex jagħmlu xogħolhom b’inqas skariġġ iżda b’iżjed effiċjenza sabiex l-ispazji pubbliċi jinżammu pupilla kemm jista’ jkun.
It-tindif fil-bajjiet jibqa’ wieħed mill-prijoritajiet għas-CMD, speċjalment matul is-sajf, minħabba ż-żieda ta’ Maltin u turisti li jiffrekwentaw dawn il-postijiet pubbliċi. Fil-fatt, il-ħaddiema tas-CMD ibakkru minn filgħodu sabiex ineħħu l-iskart u l-ħmieg li jinġabar f’dawn il-postijiet pubbliċi. Apparti minn hekk, il-ħaddiema tas-CMD ipoġġu wkoll bins għall-iskart fl-iktar bajjiet imfittxijin min-nies u jassiguraw li jitbattlu b’mod regolari matul il-ġurnata.
Ir-rwol tas-CMD imur lil hinn mit-tindif tal-bajjiet f’dan l-istaġun bieżel. Fil-fatt, is-CMD tipprova servizzi meqjusa bħala kruċjali fil-festi tar-raħal b’servizzi ta’ tindif speċjalizzat mingħajr ħlas bl-għajnuna tal-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet tal-festi. Is-servizzi mogħtija jinkludu fost oħrajn il-ħasil tat-toroq, il-provvista ta’ bins fejn meħtieġ u t-tneħħija f’waqtha tal-iskart wara l-marċi tal-festi. Dan kollu jsir mis-CMD biex l-ispazji pubbliċi jerġgħu jisbħu nodfa tazza kemm jista’ jkun malajr sabiex tinżamm dehra isbaħ fil-lokalitajiet.
Barra minn hekk, is-CMD għandha rwol ċentrali f’avvenimenti nazzjonali, kunċerti u attivitajiet tal-massa. Bit-timijiet tal-ħaddiema tagħha, is-CMD taħdem qatigħ sabiex f’dawn iċ-ċirkostanzi tiżgura li ż-żoni pubbliċi u t-toroq jibqgħu nodfa u aċċessibbli għal kulħadd.
L-investiment riċenti li ħabbret is-CMD huwa xhieda tal-impenn kontinwu ta’ din l-entità pubblika lejn servizz ta’ eċċellenza u sostenibbiltà ambjentali li huma fiċ-ċentru tal-ħidma tas-CMD. Din il-ħidma sservi wkoll ta’ rikonixximent lejn id-dedikazzjoni ma taqta’ xejn tal-ħaddiema ddedikati tas-CMD li jaħdmu bla heda, lejl u nhar, anke f’xemx taqli l-ankri u matul il-festi pubbliċi, sabiex verament jassiguraw li l-pajjiż jibqa’ nadif u sigur għal kulħadd.