Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Il-Ġonna Botaniċi Nazzjonali ta’ Malta huma maħsuba biex jinbidlu fi ġnien botaniku nazzjonali għall-Gżejjer Maltin, li għandu l-funzjoni li jikkonserva u jesponi l-ispeċi indiġeni, jispira lill-komunità lokali biex titgħallem dwar, u tieħu ħsieb il-bijodiversità tal-Gżejjer Maltin u lil hinn minnha, iwettaq riċerka dwar speċi ta’ pjanti indiġeni, jippromwovi l-benesseri tal-komunità, jikkonserva l-karatteristiċi arkitettoniċi eżistenti u jservi bħala attrazzjoni addizzjonali b’potenzjal turistiku prominenti fil-konurbazzjoni tal-Belt Valletta u l-Furjana.
Bl-għan li tintlaħaq din il-viżjoni, f’Jannar 2022, ġie stabbilit il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ġnien Botaniku Nazzjonali biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni. Dan il-Kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Ambjent Malta, l-Awtorità tar-Riżorsi Ambjentali u l-Università ta’ Malta.
Il-ġonna, li huma parti mill-Ġonna Botaniċi Nazzjonali ta’ Malta għandhom karatteristiċi uniċi li se jittejbu aktar bir-restawr tal-ġonna u l-inklużjoni ta’ kampjuni botaniċi. Il-Ġonna Botaniċi Nazzjonali ta’ Malta se jinkludu l-Ġnien tal-Mall, Ġnien l-Argotti, Ġnien San Filippu, Ġnien tal-Milorda u Sa Maison, Notre Dame Faussebraye, il-Ġnien tal-Ġublew (Pinetum) u ċ-Ċentru tar-Riżorsi u l-Ġonna Botaniċi tal-Argotti (l-Università ta’ Malta). Barra minn hekk, biex dan il-proġett jiġi kkonsolidat aktar, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi u l-Interpretazzjoni tal-Ġonna Botaniċi ta’ Malta se jitwaqqaf fil-bini tal-eks Kurrikulu fil-Furjana (il-Binja ta’ Laferla).
Ix-xogħlijiet fuq dawn il-ġonna diġà bdew bir-restawr tal-Argotti minn barra fl-2018, segwit mir-restawr tas-swar li jdawru l-Argotti u ta’ Ġnien ta’ San Filippu u fl-2022, u x-xogħlijiet ta’ restawr tal-Mall li tlestew mill-Grand Harbour Regeneration Corporation. Fl-2023, ix-xogħlijiet infrastrutturali ta’ Ġnien San Filippu ta’ fuq tlestew minn Ambjent Malta. Dawn kienu jinkludu: it-trasformazzjoni tal-ġnien fi ġnien niexef li juri speċi differenti tipiċi ta’ ħabitats niexfa u deżertiċi. Biex jikkomplementaw dawn l-interventi, fl-2023, il-Ġonna Botaniċi u ċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Argotti, li bħalissa tieħu ħsiebu l-Università ta’ Malta, kiseb l-istatus ta’ BGCI (Botanic Gardens Conservation International), li jiddistingwi l-ġonna botaniċi u jirrikonoxxi l-kisbiet fil-konservazzjoni u s-sostenibbiltà tal-pjanti. Madankollu, kif iggwidat mill-Masterplan tal-Ġonna Botaniċi ta’ Malta, sabiex jiġu stabbiliti bis-sħiħ il-Ġonna Botaniċi Nazzjonali ta’ Malta, huma ppjanati aktar interventi li jinkludu: (a) ir-Restawr tal-Ġnien ta’ Isfel ta’ San Filippu u l-kostruzzjoni ta’ Dar tal-Friefet (b) ir-restawr ta’ parti mill-mina tal-ferrovija ta’ San Filippu bl-għan li tgħaqqad il-Ġnien ta’ Isfel ta’ San Filippu ma’ Notre Dame Ditch, (ċ) ir-restawr taċ-Ċentru tal-Viżitaturi u l-Interpretazzjoni tal-Ġonna Botaniċi ta’ Malta li jinkludi diversi faċilitajiet (d) ir-restawr tal-Ġonna ta’ Sa Maison u tal-Milorda b’aċċess imtejjeb, ir-rinnovazzjoni tal-ġibjun, l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni u dawl, il-preservazzjoni ta’ karatteristiċi storiċi u (e) it-tisbiħ tal-Ġnien tal-Ġublew (Pinetum). Minħabba d-dinamika u n-natura ta’ dawn l-interventi, Ambjent Malta qed tutilizza kemm fondi nazzjonali kif ukoll tal-UE.
Proġett bħal dan mhux biss se jservi bħala mezz eċċellenti biex wieħed jikkomunika mal-pubbliku dwar ix-xjenza botanika u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, iżda se jkollu wkoll impatt fuq il-benesseri (mentali, fiżiku u soċjali) tal-viżitaturi, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-ekonomija lokali.