Public Service Expo Village 25

Ir-rwol prinċipali tad-Dipartiment tad-Dwana fi ħdan l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u Dwana ta’ Malta huwa li jippromwovi u jiffaċilita l-kummerċ leġittimu, filwaqt li jipproteġi liċ-ċittadin u lis-soċjetà, lit-territorju, u l-interessi fiskali tiegħu.
Il-protezzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà tieħu forom diversi u hija sfida kontinwa fl-ambjent tal-lum f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kummerċ mobbli kif ukoll movimentar ta’ passiġġieri. Madankollu, bl-użu tal-intelliġenza u ġestjoni tar-riskju, megħjuna minn kontrolli mhux invażivi bħalma huma scanners u s-sezzjoni tal-klieb, dawn il-kontrolli jistgħu jitwettqu b ’mod effettiv u effiċjenti.
Qasam ta’ tħassib partikolari għad-Dwana u li jeħtieġ attenzjoni kontinwa huwa l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. L-operazzjonijiet immirati lejn in-narkotiċi jitwettqu kuljum u jsir kull sforz biex inlaħħqu max-xejriet u l-metodoloġiji tal-lum.
Matul din is-sena, kien hemm diversi qabdiet notevoli ta’ narkotiċi fil-Freeport, portijiet oħra, u fl-Ajruport li flimkien jammontaw għal 1.2 tunnellati kokaina, 4.3 tunnellati raża tal-kannabis, 200 kilo kannabis (ħaxixa), u 139 pre-rolled joints. Apparti metodi tradizzjonali, it-traffikanti qed jużaw strutturi mibnijin b’mod inġenjuż b-intenzjoni li jiżgwidaw lill-awtoritajiet, u jużaw metodi li qatt ma dehru qabel, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Kburin ngħidu li Tim ta’ Uffiċjali tad-Dwana b’esperjenza u għarfien f’dan il-qasam, megħjunin minn uffiċjali operattivi, wasslu biex din is-sena wkoll instabet droga li bosta drabi kienet moħbija b’mod metikoluż.
Il-lista tagħna tinkludi qabdiet oħra notevoli li saru fl-2024, qabdiet li ġeneralment ikunu qed jaslu Malta fi kwantitajiet żgħar, u li meta tgħoddhom flimkien jammontaw għal 285 kilogramma ta’ magic mushroom, 16-il kilogramma ta’ cannabis buds u 118-il pakkett ta’ cannabidiol.
Importanti ngħidu li wara kull sejba, id-Dwana tinforma minnufih lill-Pulizija sabiex dawn jibdew u jmexxu l-investigazzjonijiet meħtieġa min-naħa tagħhom.
Id-Dwana hija determinata li tkompli bil-ġlieda tagħha kontra t-traffikar tad-droga fost l-oħrajn billi żżid l-investiment fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tagħmir kif meħtieġ, u l-klieb. Barra minn hekk, nassiguraw ukoll li nagħtu t-taħriġ meħtieġ lill-uffiċjali biex b’hekk inżommu ruħna aġġornati mal-iżviluppi, u ntejbu r-rata tas-suċċess tagħna.