Jum Dinji tat-Tfal – Ninvestu fil-Futur ta’ Uliedna
Sal-31 ta’ Diċembru, il-Belt Valletta se tilbes il-libsa tal-Milied permezz ta’ programm varjat ta’ attivitajiet organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ‘Christmas in the Capital’ se tlaqqa’ flimkien 300 artist f’25 attività, fosthom kunċerti, wirjiet mużikali, attivitajiet għat-tfal u ċelebrazzjonijiet marbuta mat-tradizzjonijiet Maltin.
Il-programm beda fil-25 ta’ Novembru, fil-5:30 p.m., bix-xegħil tas-siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien u tad-dwal dekorattivi ġodda fit-toroq tal-kapitali, flimkien mal-kxif ta’ presepju ġdid u wirja mużikali mill-VOCA Choir.
Matul Diċembru, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn diversi wirjiet mużikali minn artisti lokali. Se jsiru wkoll sensiela ta’ kunċerti ‘Christmas by Candlelight’ f’Palazzo de La Salle, filwaqt li fil-21 ta’ Diċembru se jsir il-kunċert ‘Carols in the Capital’ fil-Knisja ta’ San Franġisk, bi dħul bla ħlas.
It-tfal ukoll se jkollhom diversi attivitajiet għal qalbhom, fosthom laqgħat ma’ Father Christmas fil-5 ta’ Diċembru, attivitajiet interattivi ‘Gootopia’ fis-6 u fit-13 ta’ Diċembru, kitba ta’ ittri lil Father Christmas fit-18 u d-19 ta’ Diċembru, kif ukoll esperjenza ispirata mill-film ‘Home Alone’ fit-23 ta’ Diċembru.
It-tradizzjonijiet Maltin se jingħataw prominenza fis-17 ta’ Diċembru, bil-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin u l-prietka tat-tifel.
Il-programm se jilħaq il-qofol tiegħu fil-31 ta’ Diċembru, biċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena, hekk kif il-kapitali se tilqa’ s-sena 2027.
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet, il-ħinijiet u l-postijiet fejn se jsiru, żur www.vca.gov.mt.