40 Uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili Jintbagħtu l-Portugall
Bdew uffiċjalment ix-xogħlijiet fuq impjant ġdid għall-ipproċessar tal-iskart organiku, proġett b’investiment totali ta’ €75 miljun li se jsaħħaħ l-infrastruttura nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart.
Madwar €45 miljun mill-investiment huma kofinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett strateġiku importanti jagħmel parti mill-ħidma nazzjonali biex Malta tkompli tersaq lejn ekonomija ċirkolari, fejn aktar materjal jiġi rkuprat u l-iskart organiku jintuża bħala riżorsa għall-produzzjoni tal-enerġija u l-kompost.
Fuq is-sit diġà għaddejjin il-mobilizzazzjoni, ix-xogħlijiet ta’ tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ ħajt ta’ żamma madwar il-perimetru. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru fl-istess waqt li qed jiġu ffinalizzati d-disinn tekniku dettaljat u l-proċessi operattivi tal-faċilità.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, il-Ministru għall-Fondi Ewropej Keith Azzopardi Tanti u l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca żaru s-sit biex isegwu l-progress li sar. Matul iż-żjara ġie enfasizzat ir-rwol tal-faċilità fl-irkupru tar-riżorsi, fil-ġenerazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli u fit-tisħiħ tal-ekonomija ċirkolari.
Meta jibda jopera, l-impjant se jżid il-kapaċità annwali ta’ Malta għall-ipproċessar tal-iskart organiku minn madwar 36,000 tunnellata għal aktar minn 74,000 tunnellata. Din iż-żieda se tippermetti li kwantitajiet akbar ta’ skart organiku jiġu pproċessati lokalment u jinbidlu f’enerġija rinnovabbli u kompost ta’ kwalità għolja.
Il-ġenerazzjoni annwali tal-elettriku mistennija tiżdied mil-livell attwali ta’ 8.5 GWh għal massimu ta’ 20 GWh. Il-faċilità se tinkludi teknoloġija avvanzata u livelli ogħla ta’ awtomazzjoni biex titjieb l-effiċjenza, il-prestazzjoni operattiva u l-protezzjoni ambjentali. Din it-teknoloġija se tgħin ukoll biex il-proċessi jiġu mmonitorjati u kkontrollati b’mod aktar effettiv.
Matul il-kostruzzjoni qed jintuża makkinarju speċjalizzat biex jitnaqqsu l-istorbju u l-vibrazzjonijiet. Il-materjal imħaffer qed jerġa’ jintuża fuq is-sit biex jimtlew żoni baxxi skont il-livelli meħtieġa mid-disinn tal-faċilità, b’hekk jitnaqqas ukoll il-bżonn li dan il-materjal jinġarr lejn postijiet oħra.
L-impjant mistenni jitlesta fi żmien sentejn u se jsir komponent ewlieni tal-istrateġija ECOHIVE ta’ WasteServ, immirata lejn sistema nazzjonali aktar moderna, effiċjenti u sostenibbli għall-immaniġġjar tar-riżorsi u l-iskart f’Malta.