Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Sa issa ngħataw 24,000 vaċċin kontra l-influwenza staġjonali u 15,000 booster għall-Omicron.
Il-vaċċin ta' kontra l-influwenza staġjonali qiegħed jingħata bla ħlas lill-persuni ta’ ’l fuq minn 55 sena u persuni vulnerabbli miċ-ċentri tas-saħħa kollha u mill-bereġ skedati. Persuni li se jingħataw prijorità f'dan il-programm huma dawk li jbatu b'mard kroniku respiratorju, tal-qalb, tal-fwied, tal-kliewi, dijabete, persuni immunosopressi, nisa tqal, u persuni li jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa u fl-istituzzjonijiet.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bdew jitlaqqmu t-tfal ta’ ’l fuq minn sitt xhur, fejn qed jiġu organizzati sessjonijiet dedikati għalihom kull tmiem il-ġimgħa. Tfal ta’ ’l fuq minn sentejn se jkunu jistgħu jevitaw it-tilqima u minflok jieħdu nasal spray kontra l-influwenza. Mit-Tnejn li ġej, 31 ta’ Ottubru 2022, il-programm ta' vaċċinazzjoni se jinfetaħ għall-kumplament tal-popolazzjoni.
Il-vaċċin tal-influwenza li se jkun offrut lill-pubbliku din is-sena jolqot direttament it-tip ta’ influwenza li mistennija tippredomina fix-xhur tax-xitwa u għaldaqstant se tkun effettiva ħafna sabiex ittaffi s-sintomi tal-influwenza li jafu jkunu kefrin u anke jwasslu għall-bżonn ta’ sptar. L-awtoritajiet tas-saħħa, din is-sena, xtraw mal-mija u tnejn u tletin elf doża tal-vaċċin, li minnhom sbatax-il elf huma nasal sprays għat-tfal.
Min-naħa l-oħra qed jiġi offrut booster tal-vaċċin kontra l-COVID immirat kontra l-varjant tal-Omicron. Bħalissa dan qed jingħata lill-persuni kollha ta’ ’l fuq minn 55 sena u lill-persuni vulnerabbli. Il-booster jista’ jittieħed fl-istess ħin mal-vaċċin kontra l-influwenza.
Skont is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, il-komunità internazzjonali tas-saħħa nnotat li l-istaġun tal-influwenza beda qabel is-soltu. Prof. Gauci saħqet kif għal kull mitt persuna li jmorru għand it-tabib, tmienja minnhom ikollhom sintomi li jixbhu dawk tal-influwenza.