Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Niċċelebraw Għaxar Snin ta’ Progress Istituzzjonali lejn Soċjetà Inklussiva
Il-mixja ta’ Malta lejn soċjetà aktar inklussiva ġiet iffurmata b’mod deċiżiv mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem (HRD), li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, l-Onorevoli Rebecca Buttigieg, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Din is-sena timmarka l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tad-Direttorat fl-2015. Id-Direttorat beda b’mandat ċar: li jintegra impenji ta’ politika ta’ livell għoli fil-ħidma ta’ kuljum tas-Servizz Pubbliku. Maż-żmien, l-HRD evolva u adatta ruħu biex jiżgura governanza proattiva u riforma sostenibbli.
Waħda mill-ewwel u l-akbar kisbiet tal-HRD kienet li jagħlaq id-distakk bejn dak stipulat fil-liġijiet u l-applikazzjoni fil-prattika. Dan sar permezz tar-rikonoxximent li governanza effettiva tmur lil hinn mill-introduzzjoni ta’ liġijiet ġodda iżda teħtieġ ukoll il-ħolqien ta’ fora u strutturi li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn diversi ministeri, sabiex dawn jaħdmu flimkien b’mod aktar koerenti.
Dak li beda bħala tim żgħir ta’ erba’ persuni, illum kiber f’direttorat sħiħ li jinkludi taqsimiet speċjalizzati ddedikati għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru (gender mainstreaming), l-ugwaljanza LGBTIQ+, l-integrazzjoni tal-migranti, il-ġlieda kontra r-razziżmu, kif ukoll il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin. Din l-espansjoni tirrifletti tisħiħ meħtieġ tal-kompetenza teknika, biex jiġi żgurat li l-gvern kollu jkun mgħammar biex jindirizza kwistjonijiet kumplessi relatati mad-drittijiet tal-bniedem.
Pass importanti fl-istorja tal-HRD kien is-suċċess tiegħu fit-tkissir tal-mentalità frammentata (spiss imsejħa “silos”) li tipikament tikkaratterizza organizzazzjonijiet kbar. Permezz ta’ strateġiji tematiċi u Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali, l-HRD żgura li d-drittijiet tal-bniedem ma jibqgħux kompetenza esklussiva ta’ entità waħda, iżda jsiru responsabbiltà kondiviża fis-setturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika.
Fattur ewlieni ta’ din it-trasformazzjoni kien l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi strutturati li jassiguraw li d-drittijiet tal-bniedem ikunu inkorporati sa mill-bidu tal-iżvilupp tal-politika. Kemm fl-ippjanar urban, fil-kura tas-saħħa, jew fl-infrastruttura diġitali, dawn il-mekkaniżmi jipprevjenu li l-ugwaljanza tiġi trattata bħala ħsieb sekondarju. B’din l-integrazzjoni teknika fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-ugwaljanza saret karatteristika inerenti tal-operazzjonijiet tas-servizz pubbliku. Din is-sena, dawn l-istrutturi tematiċi ġew issimplifikati f’Kumitat Interministerjali wieħed responsabbli biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tas-Servizz Pubbliku.
Id-Direttorat mexxa firxa wiesgħa ta’ programmi ta’ taħriġ, li ppreparaw eluf ta’ uffiċjali pubbliċi — mill-Korp tal-Pulizija sa professjonisti fil-kura tas-saħħa — bil-kompetenza meħtieġa biex jipprovdu servizzi li jmorru lil hinn minn sempliċi konformità legali u nondiskriminazzjoni. Dawn l-inizjattivi jiżguraw li s-servizzi pubbliċi jingħataw b’mod ġust, inklussiv u mibni fuq il-prinċipji tad-diversità u l-ugwaljanza. Dan l-approċċ jiżgura li s-Servizz Pubbliku ta’ Malta jibqa’ effiċjenti, modern u kapaċi jwieġeb għad-demografija tal-pajjiż li qed tinbidel.
Apparti t-tfassil tal-politika u l-integrazzjoni teknika, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem poġġa l-għarfien pubbliku bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ħidma tiegħu. Permezz ta’ kampanji mmirati, ħidma diretta fil-komunità (outreach) u l-iżvilupp ta’ materjal edukattiv, l-HRD ippromwova b’mod attiv fehim wiesa’ ta' kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, kemm fost iċ-ċittadini kif ukoll fost l-impjegati tas-settur pubbliku. L-għan huwa li jiġi promoss djalogu miftuħ, jiġu sfidati l-isterjotipi u tiġi ċċelebrata d-diversità, sabiex tinħoloq soċjetà aktar infurmata u empatika li tħaddan l-inklużjoni u l-ugwaljanza fl-aspetti kollha tal-ħajja Maltija.
Meta nħarsu lejn id-deċennju li ġej, il-missjoni tal-HRD hija ċara: li jistabbilixxi sistemi u oqfsa li mhux biss huma sostenibbli, iżda li jiżguraw li l-ugwaljanza tkun standard f’kull qasam tal-gvern. Il-wirt veru se jkun Servizz Pubbliku fejn il-valuri ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem ikunu tant minsuġa fil-prattika ta’ kuljum li jkun hemm bżonn minimu ta’ superviżjoni ċentrali. Dan jiggarantixxi li d-dedikazzjoni ta’ Malta għad-drittijiet u l-inklużjoni tibqa’ soda għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-kisbiet tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem matul dawn l-aħħar għaxar snin bnew pedament b’saħħtu għall-futur ta’ Malta. Biex jikkomemora dan it-tragward importanti fis-Servizz Pubbliku, l-HRD ippubblika ktieb biex jiċċelebra diċennju ta’ progress u impatt. B’ugwaljanza u inklużjoni integrati fil-ħajja pubblika, l-impenn ta’ Malta għad-drittijiet tal-bniedem se jkompli jsaħħaħ u jispira l-ġenerazzjonijiet li ġejjin.