Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Id-Direttorat tar-Restawr għadu kif rebaħ diversi awards għal proġetti mwettqa minnu. Il-Valletta Design Cluster, li minn binja storika iżda mitluqa ngħatat lura l-ħajja, ġab tliet unuri lokali u spiċċa finalist fuq livell internazzjonali. Dan juri kemm is-Servizz Pubbliku hu mogħni b’ħiliet li jwettqu xogħol ta’ eċċellenza, f’dan il-każ fil-qasam tal-wirt arkitettoniku u storiku ta’ pajjiżna.
Il-proġett tal-Valletta Design Cluster huwa proġett ta’ riġenerazzjoni u riabilitazzjoni ta’ binja storika ta’ żmien il-Kavallieri li issa ġiet mibdula f’binja bħala inkubatur għall-komunità għal skopijiet kulturali u għal artisti u attivitajiet kreattivi. Il-proġett għen sabiex binja storika tiġi salvata u fl-istess ħin tixpruna r-riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, filwaqt li l-ispazju ta’ fuq il-bejt inbidel fi ġnien għat-tgawdija tal-pubbliku.
Dan il-proġett imwettaq mid-Direttorat tar-Restawr ingħata diversi rikonoxximenti. Aktar kmieni din is-sena ntgħażel bħala l-aħjar proġett f’żewġ kategoriji tal-Malta Architecture and Spatial Planning (MASP) Awards, fil-Kategorija tar-Riabilitazzjoni u Konservazzjoni u f’dik tal-Ispazji Pubbliċi Miftuħa. Ftit ġimgħat ilu ngħata wkoll il-Prix D’Honneur (Kategorija A) fl-awards ta’ Din l-Art Ħelwa għall-wirt arkitettoniku. Il-proġett kien ukoll wieħed minn 52 finalist minn 1,100 proġett imressqa mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għan-New European Bauhas Award. Dan hu tassew rikonoxximent prestiġjuż fuq livell internazzjonali.
Rikonoxximent ieħor ingħata lill-iskema għall-Proġetti ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Din l-iskema tipprovdi qafas li permezz tiegħu l-komunitajiet Maltin, kif rappreżentati mill-Kunsilli Lokali tagħhom, jissottomettu proposti għar-restawr ta’ bini vernakulari u monumenti storiċi li huma ta’ valur għalihom. L-iskema tnediet għall-ewwel darba f’Mejju 2015, u minn dakinhar 38 lokalità differenti bbenefikaw mit-twettiq ta’ 39 proġett. Il-proġetti jiġu esegwiti mill-bidu sal-aħħar mit-tim multidixxiplinarju tad-Direttorat tar-Restawr, li jinkludi sezzjoni għad-dokumentazzjoni grafika, periti speċjalizzati fil-qasam tar-restawr, restawratur u professjonisti oħra, u ħaddiema tal-lant imħarrġa fis-sengħa tar-restawr. Il-proġetti li jitwettqu taħt l-iskema jvarjaw minn proġetti ta’ skala żgħira (bħal slaleb tad-dejma jew statwi u niċeċ votivi li nsibu fil-pjazez tagħna u fuq il-faċċati tad-djar antiki) għal proġetti ta’ skala medja (bħal binjiet u monumenti storiċi li jmorru lura anke sal-perjodu tal-Kavallieri ta’ Malta, kappelli rurali, eċċ). Il-popolarità tal-iskema mal-Kunsilli Lokali hija xhieda tas-suċċess tagħha. Dan l-aħħar il-Proġetti ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali ngħataw Diploma (Kategorija A) fl-awards ta’ Din l-Art Ħelwa għall-wirt arkitettoniku.