Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
F’Project Green, ma narawx l-ambjent bħala ħaġa sekondarja – l-ambjent narawh bħala l-punt tat-tluq ta’ kull proġett li nwettqu. Kemm jekk nagħtu l-ħajja mill-ġdid lill-widien jew noħolqu park f’ambjent urban, il-proġetti tagħna huma mfassla bin-natura, in-nies , l-accessibbiltà u r-reżiljenza bħala bażi fuq xiex nibnu kull proġett.
Ix-xewqat tal-komunità jitqiesu bħala fatturi ċentrali f’dan il-vjaġġ tal-iżvilupp tal-proġett. Fl-2023, il-Community Greening Grant iffinanzjat 16-il proġett madwar Malta u Għawdex, li taw il-ħajja mill-ġdid lil spazji minsija u bidluhom f’ġonna li jilqgħu lill-viżitaturi b’karatteristiċi edukattivi u ta’ rikreazzjoni. Inizjattivi akbar, bħar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa, il-Hospice Garden f’Santa Venera, il-Ġnien tal-Polinaturi f’San Ġwann u l-Ġnien tar-Riġenerazzjoni l-Erba’ Mwieżeb, saħħew is-saħħa ekoloġika urbana, naqqsu l-istress, ħolqu impjiegi u saħħew il-komunità.
In-natura nnifisha tiggwida d-disinn tagħna. Billi nagħtu prijorità lill-pjanti indiġeni ta’ Malta, nerġgħu nġibu l-bilanċ fl-ekosistemi u nnaqqsu l-użu tal-ilma, kif ukoll inħallu l-ekosistema tipprovdi iktar mis-servizzi tagħha lill-bniedem. Fl-2024, ix-xogħol f’disa’ widien – fosthom Wied il-Baħrija, Wied Għajn Riħana u Wied il-Fiddien – kien jinkludi t-tneħħija ta’ speċi invażivi, it-tħawwil ta’ speċi addattati u t-tindif mill-fdalijiet sabiex jerġgħu jingħataw aktar ħajja ħabitat delikati. Fiż-żoni urbani, it-tħawwil tas-siġar joffri dell, arja aktar nadifa u serħan mill-istress tas-sħana, bi proġetti ġodda bħal Ġnien l-Inħawi (District Park) u l-Park Sensorjali tal-Imqabba li qed jittwettqu.
L-ilma u l-ħamrija huma importanti fuq l-istess livell, għaliex dawn huma l-katalisti tal-ħajja u l-bażi ta’ kull proġett sostenibbli. Il-proġett RainWiiN f’Wied Sta. Katerina biss żied il-ħażna tal-ilma tax-xita b’45,000m³, u b’hekk għen biex jimtela l-ilma tal-pjan mill-ġdid, kif ukoll provda sors ta’ ilma għall-bdiewa tal-madwar. Fl-istess ħin, it-tqiegħed tal-mulch, ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u interventi ekoloġiċi raw titjib fis-saħħa tal-ħamrija kif ukoll fil-ħażna tal-ilma, bħalma jidher fi Ġnien Villa Portelli fil-Kalkara, fejn il-wirt kulturali u l-ekoloġija issa qed jiffjorixxu flimkien.
L-attenzjoni fuq dawn is-siti importanti ma tiqafx mal-inawgurazzjoni ta’ dawn l-ispazji miftuħa u widien, iżda, permezz ta’ kontroll kontinwu mit-tim tal-Quality Control u t-tim tal-Manutenzjoni fi ħdan Project Green, kull ġnien u wied jibqa’ jikber, jiffjorixxi u jgħaqqad lin-nies man-natura.