Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-ambjent, anki skont miri stabbiliti mill-UE, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq investiment estensiv fuq il-binja ċentrali tiegħu.
Ix-xogħlijiet fuq il-binja kienu jikkonsistu fi twaħħil ta' boards ta' insulazzjoni fuq barra. Mal-faċċata tal-binja twaħħlu wkoll ċangaturi tal-qawwi fuq struttura tal-aluminju, b'tali mod li jkun hemm dik li tissejjaħ ventilated cavity li permezz taċ-ċirkolazzjoni tal-arja tipproteġi l-bini mill-akkumulazzjoni ta' umdità u kondensazzjoni fil-bini.
L-aperturi saru kollha tal-aluminju msejjaħ thermal break bi ħġieġ double-glazing. L-iskylight saret ukoll minn dan it-tip ta' ħġieġ sabiex tnaqqas l-ammont ta' sħana mitlufa u ddawwal il-binja b'dawl naturali.
Inqala' l-kontrabejt eżistenti biex tqiegħed saff ta' insulazzjoni u wara reġa' tqiegħed kontrabejt ġdid li ngħata kisi li jirrifletti s-sħana.
Mal-faċċata kienu integrati pannelli fotovoltajiċi tal-ewwel xorta tagħhom f'binjiet pubbliċi li jħarsu lejn in-nofsinhar ta' Malta, fejn l-aktar li tilqa' xemx il-binja. Is-sistemi tal-arja kundizzjonata installati huma tat-tip VRF li huma iktar effiċjenti. Saret ukoll Building Management System (BMS) li topera bħala sistema t'energy management għas-servizzi kollha li tirriżulta fi tnaqqis ta' użu ta' enerġija.
B'dawn il-bidliet fil-binja, l-energy performance rating ta' Project House tela' minn Klassi D fl-2013 għal Klassi A fis-sena 2022.
Il-binja ta' Project House sservi bħala waħda ċentrali għad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fejn din tilqa' fiha uffiċjali u professjonisti fil-qasam tal-arkitettura u l-inġinerija.
Dan l-investiment sewa' aktar minn €4 miljun grazzi għall-Fondi Ewropej għall-Irkupru u Reżiljenza.