Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Malta, għal darba oħra, kisbet l-ewwel post fl-Ewropa fis-servizzi tal-gvern online, skont l-aħħar eGovernment Benchmark ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-pajjiż kiseb punteġġ ġenerali ta’ 99.4, inkluż il-massimu ta’ 100 punt għas-servizzi offruti lin-negozji u 99.1 punt għas-servizzi maħsuba għaċ-ċittadini.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, is-sur Tony Sultana, qal li dawn ir-riżultati jirriflettu l-impenn kontinwu tas-Servizz Pubbliku lejn it-trasformazzjoni diġitali u l-eċċellenza fis-servizzi.
“Dawn ir-riżultati huma konferma oħra li l-viżjoni tagħna – Intejbu l-ħajja tan-nies kuljum – qed titwettaq fil-prattika, kuljum u f’kull ħin,” qal is-Sur Sultana.
Ir-rapport evalwa 96 servizz diġitali f’kull pajjiż u analizza aktar minn 14,000 sit governattiv madwar l-Ewropa. Malta qabżet il-medja Ewropea fis-servizzi għan-negozji u għaċ-ċittadini, filwaqt li kisbet il-punteġġ massimu fl-appoġġ lill-utenti, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà fuq apparat mobbli.
Malta kisbet ukoll il-massimu ta’ punti fil-kategorija Cross-Border ePayments, u b’hekk kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala mexxej Ewropew fis-servizzi diġitali tal-gvern.