Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Is-sit www.konsultazzjoni.gov.mt dejjem qed iżid fl-importanza tiegħu hekk kif il-Gvern qed jikkonsulta dejjem aktar mal-pubbliku biex jisma’ l-ħsibijiet tiegħu dwar diversi temi. Din is-sena qed naraw diġà numri rekords ta’ parteċipazzjoni fuq temi differenti.
Fil-perjodu mill-bidu ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2025 ġew ippubblikati 38 konsultazzjoni, li minnhom, 14 kienu leġiżlattivi u 24 kienu mhux leġiżlattivi. L-ammont totali ta’ sottomissjonijiet mill-pubbliku kien ta’ 14,182 kumment. Il-parti l-kbira minn dawn is-sottomissjonijiet kienu jirreferu għall-konsultazzjoni dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita. L-ammont totali ta’ sottomissjonijiet li daħlu dwar l-ewtanasja fis-sit kien ta’ 13,788.
Meta mqabbla mal-istess perjodu (Jannar sa Ġunju) tas-sena 2024, wieħed jinnota li kien hemm bosta żidiet kemm fl-ammonti ta’ konsultazzjonijiet li qed jinħarġu kif ukoll fl-ammont ta’ risposti.
Jaħdmu minn wara l-kwinti fuq dan is-sit hemm tim ta’ uffiċjali pubbliċi mill-ministeri kollha kkordinati mill-unit ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan l-aħħar is-sit ingħata wkoll revamp tekniku u ta’ immaġni biex ikun jiflaħ għat-traffiku li qed jiġbed lejh. Is-Servizz Pubbliku huwa kommess li jibqa’ jservi ta’ pont bejn il-Gvern u ċ-ċittadini anke b’dan is-servizz.