Villaġġ Sportiv fl-MFCC: erbat ijiem ta’ sport, enerġija u skoperta għall-istudenti
Għawdex laħaq pass importanti fil-mobbiltà sostenibbli, hekk kif is-servizz tat-trasport pubbliku fil-gżira issa qed jitħaddem kollu permezz ta’ karozzi tal-linja elettriċi b’emissjonijiet żero.
Dan sar permezz ta’ investiment ta’ €11-il miljun; l-akbar investiment li qatt sar fit-trasport pubbliku f’Għawdex. Permezz ta’ dan l-investiment, il-karozzi tal-linja li kienu jaħdmu bid-diesel inbidlu b’vetturi elettriċi ġodda, u b’hekk sar pass importanti lejn mobbiltà aktar nadifa u effiċjenti fil-gżira.
Il-flotta l-ġdida hija appoġġjata minn infrastruttura ta’ ċċarġjar fil-Multi-Modal Hub u Park and Ride f’Ta’ Xħajma. Din il-faċilità issa sservi wkoll bħala charging depot għall-karozzi tal-linja elettriċi li jitħaddmu f’Għawdex, sabiex il-flotta tkun tista’ tiġi ċċarġjata b’mod effiċjenti u tappoġġja sistema ta’ trasport aktar nadifa fit-tul.
It-tranżizzjoni lejn flotta kompletament elettrika se tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, titjieb il-kwalità tal-arja u jitnaqqas l-istorbju fit-toroq tal-komunitajiet Għawdxin. Dan l-investiment jappoġġja wkoll kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti u l-viżitaturi, filwaqt li jsaħħaħ il-viżjoni usa’ ta’ Għawdex għal żvilupp sostenibbli.
Dan il-proġett sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Transport Malta, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, u l-Malta Public Transport.
B’dan l-investiment, Għawdex qed jagħmel pass ieħor importanti lejn sistema ta’ trasport pubbliku aktar nadifa, aktar konnessa u aktar sostenibbli.