Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Il-Gozo Album huwa arkivju diġitali li l-għan tiegħu huwa li tiġi ppreservata l-istorja viżiva ta’ Għawdex – permezz ta’ ġabra vasta ta’ ritratti – għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Madankollu, il-ħsieb ta’ din il-pjattaforma – li kulma jmur qed tkompli tikber – mhuwiex biss li jiġu ppreservati dawn ir-ritratti. L-għan ta’ dan l-arkivju huwa wkoll li fejn huwa possibbli, tiġi rrakkontata l-istorja wara kull immaġni. Kull min jixtieq jista’ jtella’ ritratt storiku u eventwalment isir parti mill-kollezzjoni pubblika, kemm-il darba r-ritratt jiġi approvat.
Imniedi uffiċjalment waqt il-Public Service Expo Village tal-2025, dan il-proġett huwa frott ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ Direttorati - l-Unità tal-Immaniġġjar tal-Informazzjoni (is-sezzjoni tal-IT) u d-Direttorat tal-Wirt Kulturali (DCH) – it-tnejn fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, bil-kollaborazzjoni tal-Arkivji Nazzjonali – Uffiċċju ta’ Għawdex.
Din il-pjattaforma diġitali bħalissa tinkludi aktar minn 1,600 ritratt storiku, li joffru vjaġġ affaxxinanti ta’ diversi epoki. Il-viżitaturi jistgħu jesploraw ir-ritratti skont ir-raħal, it-tema jew il-perjodu storiku. Is-sezzjoni Then & Now tqabbel ritratti antiki ma’ xeni tal-lum, waqt li t-Timeline tpoġġi r-ritratti fil-kuntest storiku tagħhom – bħar-ritratt antik tal-Azure Window fl-1890 meħud minn Richard Ellis. Sezzjoni oħra importanti f’dan l-arkivju hija s-Sensiela ta’ Ritratti Aeri tal-1943, meħuda minn ajruplani tal-Alleati matul it-Tieni Gwerra Dinjija, li juru lil Għawdex kif kien qabel l-iżvilupp modern.
Apparti hekk, dan l-arkivju jinkludi wkoll sezzjoni ddedikata lill-Fotografi, li tirrikonoxxi lil dawk li l-kontribuzzjoni tagħhom tifforma l-qalba tal-arkivju – fosthom Richard Ellis, wieħed mill-pijunieri tal-fotografija f’Malta; Michele Farrugia magħruf bħala l-Badiku; Carmela Buhagiar, waħda mill-ewwel fotografi nisa f’Għawdex; u Guido Stilon, magħruf għar-ritratti dettaljati tiegħu u kif kien jaqbad ix-xeni pittoreski tal-irħula Għawdxin.
Biex dan il-wirt isir aktar aċċessibbli, il-Gozo Album issa jinsab fuq il-website ta’ kull kunsill lokali Għawdxi f’Għawdex. Dalwaqt, se jitnieda wkoll plugin għall-WordPress u widget integrabbli b’xejn, biex websites oħra jkunu jistgħu juru kontenut mill-Gozo Album b’mod faċli u dinamiku. Aktar ’il quddiem, il-Gozo Album huwa mistenni li jinkludi wkoll Mużew 3D. Dan se jippermetti lill-utenti jesperjenzaw ir-ritratti kollha f’ambjent interattiv minn perspettiva tal-ewwel persuna, b’esperjenza virtwali li tkun qrib ħafna r-realtà.
Żur www.gozoalbum.gov.mt biex tesplora l-arkivju jew biex – għaliex le – tikkontribwixxi parti mill-istorja tiegħek ta’ Għawdex.