Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Is-Servizz Pubbliku għadu kif ħareġ pubblikazzjoni ġdida fis-sensiela “Governance Action,” fejn din id-darba ta rendikont dwar il-każijiet imressqa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissarji tiegħu fir-rapport tagħhom għall-2024. Din kienet it-tmien sena li sar dan l-eżerċizzju, frott ukoll tal-istrutturi ta’ governanza b’saħħithom fis-Servizz Pubbliku li qed jagħtu l-frott, kif ukoll prova ta’ serjetà u kontabilità.
F’din il-pubblikazzjoni, wieħed jista’ jsib il-każijiet kollha bil-kummenti relevanti dwarhom. Fost oħrajn insibu każijiet li ġew magħluqa wara li ttieħdet azzjoni immedjata mill-Amministrazzjoni Pubblika, u sitwazzjonijiet fejn l-Amministrazzjoni tat informazzjoni dwar kif ġie trattat il-każ u rriżulta li ma kienx hemm il-ħtieġa li l-Ombudsman ikompli jinvestiga. Ta’ min isemmi li persentaġġ sinifikanti tal-każijiet ġew riżolti mal-ewwel kjarifika li l-Amministrazzjoni tat u li ġiet aċċettata mill-Ombudsman bħala suffiċjenti.
It-total ta’ każijiet imsemmija mill-Ombudsman jammonta għal 403 każijiet: 324 każ ġdid li daħlu fl-2024, u 79 każ minn snin preċedenti. Dan ukoll huwa importanti u jindika li l-każijiet li ma jilħqux jissolvew ma jintilfux minn sena għal sena, anzi jibqgħu jiġu segwiti.
Mit-324 każ tal-2024, ingħalqu 253 każ (78%). 224 każ (88.5% mill-każijiet magħluqa tal-2024) ingħalqu mingħajr ma l-Ombudsman jew il-Kummissarji ħassew il-ħtieġa li joħorġu rakkomandazzjoni jew wara li l-Ministeru ta r-risposta tiegħu wara l-ewwel talba għal informazzjoni mill-Ombudsman. 13-il każ mill-253 każ (5.1%) li ġew magħluqa kellhom rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Ombudsman jew il-Kummissarji. Fi 12 minn dawn it-13-il każ (92.3%), ir-rakkomandazzjoni ġiet implimentata jew innutata għal każijiet futuri.
Kien hemm biss rakkomandazzjoni waħda marbuta ma’ każ wieħed li ma ġietx aċċettata.
Dan kollu jfisser li f’93.2% tal-każijiet tal-2024 li ġew magħluqa, l-Amministrazzjoni Pubblika indirizzat il-każijiet b’mod xieraq.
Hemm 47 każ (14.5%) li huma pendenti għand l-Ombudsman filwaqt li tmien każijiet (2.5%) huma pendenti għand il-ministeri.
Tista’ taċċessa l-pubblikazzjoni minn hawn.