Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Anke dan is-sajf, uffiċjali pubbliċi fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni qed jaħdmu qatigħ biex għal sena oħra madwar 30,000 student jibbenefikaw minn trasport b’xejn lejn l-iskola u lura.
Dan is-servizz jinvolvi organizzazzjoni kbira. Ċifri mis-sena skolastika li għaddiet juru kif b’kollox id-Dipartiment organizza madwar 4,000 rotta f’Malta u Għawdex, bl-ispiża totali tlaħħaq is-60 miljun ewro. Is-servizzi jingħataw minn madwar 180 operatur.
Dan is-servizz b’xejn huwa ta’ benefiċċju kbir għall-ġenituri imma wkoll iħalli effett pożittiv fuq l-ambjent u t-traffiku.
Dan is-servizz huwa miftuħ għal kull student li jattendi skola obbligatorja minn Kinder 1 sas-Sena 11 (li qabel kienet magħrufa bħala l-Form 5), fi skejjel statali, tal-Knisja jew privati u li joqogħdu iktar minn kilometru ’l bogħod biex jaslu l-iskola.
Ta’ min jinnota li jiġu organizzati wkoll ammont kbir ta’ rotot li jwasslu studenti lejn programmi edukattivi li jiffurmaw parti mill-kurrikulu, bħal pereżempju attivitajiet ta’ sport u programmi terapewtiċi.
Kull min jixtieq japplika għal dan is-servizz ta’ trasport b’xejn għat-tfal għandu japplika minn hawn kemm jista’ jkun malajr.