Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC) fetaħ il-bibien tiegħu f'Diċembru 2014, u inizjalment serva bħala outpatients tal-onkoloġija. Sa Settembru 2015, ġew trasferiti wkoll is-servizzi kollha tal-onkoloġija, l-ematoloġija u l-onkoloġija pedjatrika mill-Isptar Sir Paul Boffa. Is-SAMOC, interkonness mal-Isptar Mater Dei, jispeċjalizza fl-Onkoloġija u l-Emato-Onkoloġija, li joffri kura innovattiva kemm inpatient u kemm outpatient kif ukoll trattament komprensiv tal-kundizzjonijiet onkoloġiċi. Is-SAMOC jinkludi fih ħames oqsma kliniċi għall-inpatients: żewġ swali tal-onkoloġija, sala tar-radjoisotope, sala waħda tal-ematoloġija, u sala waħda tal-kura paljattiva. Is-sala tal-outpatients fiha 12-il kamra klinika u sala tal-ġurnata. Is-SAMOC għandu wkoll dipartiment tar-radjoterapija li jittratta madwar 1,200 pazjent fis-sena. Il-Klinika li toffri servizzi ta’ appoġġ tiġbor fiha diversi professjonijiet tas-saħħa li jagħmlu parti mid-Direttorat tal-Allied HealthServices kif ukoll tiffaċilita l-komunikazzjoni mal-uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund. Ta’ min isemmi lit-300 ħaddiem involuti fl-operat tas-SAMOC magħmula minn ħaddiema gradwati fil-kura tas-saħħa, ġestjoni, amministrazzjoni, inġiniera, manutenzjoni, u gradwati tal-IT. Dan it-tim huwa impenjat li jwassal servizzi ta' kura tal-kanċer permezz ta' tim multidixxiplinarju kollaborattiv, b'ħiliet għolja u speċjalizzat bil-għan li jipprovdi kura olistika u ta' kompassjoni.
Il-kura tal-kanċer timxi pass pass mat-triq kollha tal-pazjent, minn meta jsir l-iskrinjar jew ir-riferiment inizjali għal suspett ta' kanċer għal dijanjosi, trattament tal-kanċer, appoġġ matul l-istadju tas-sopravivenza, kura paljattiva, jew kura fi tmiem il-ħajja. Aktar minn 1000 pazjent bil-kanċer ġew ittrattati bil-Kimoterapija fis-SAMOC fl-2023. Pazjenti li jeħtieġu kimoterapija bħala parti mit- trattament tagħhom huma kollha riferuti lill- Chemotherapy Practice Nurse u jiġu mistiedna għal sessjoni ta’ edukazzjoni ta’ qabel il-kimoterapija.
Matul il-vjaġġ tat- trattament, il-pazjenti għandhom linji tat-telefown ta' appoġġ li huma disponibbli għalihom u għall-familji tagħhom kuljum. Dawn jgħinu lill-pazjent f’kull tħassib li jkollu dwar it-trattament u l-effetti sekondarji li jista’ jesperjenza. Id-Direttorat tal-Cancer Care Pathways, taħt il-patroċinju tad-Direttur Ġenerali tas-Servizzi tas-Saħħa, twaqqaf f'Ottubru 2014, biex jissorvelja l-vjaġġ għall-kura tal-kanċer u s-servizzi tal-kanċer, bil-għan li jimplimenta l-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer għall-Gżejjer Maltin. Id-Direttorat tal-Cancer Care Pathways u t-timijiet tiegħu jinsabu fi ħdan iċ-Ċentru tal-Onkoloġija u jaħdmu id f'id ma' entitajiet oħra biex jiżguraw il-koordinazzjoni tas-servizzi, aċċess f'waqtu għall-kura u jiżviluppaw avvanzi fil-kura tal-kanċer. Dan id-Direttorat żviluppa diversi servizzi ewlenin matul l-aħħar snin, inkluż sezzjoni tal- ‘Fast Track,’ servizzi ta' Nurse Navigator, tim ta' Sopravivenza, sezzjoni ta' Riċerka u sezzjoni oħra ffukata fuq is-Sistemi tal-IT li jintużaw fl-Onkoloġija, li jtejbu b'mod sinifikanti l-vjaġġtal-kura tal-pazjenti fuq livell Nazzjonali. Fl-2022, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa faħħret dawn l-avvanzi u rrakkomandat lil pajjiżi oħra biex jadottaw sistemi simili fl-isptarijiet tagħhom stess.
Arranġament bilaterali ma’ Leeds Teaching Hospitals NHS Trust ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għall-iżviluppi fir-radjoterapija, kemm f'termini ta' validazzjoni tat-tagħmir kif ukoll ta' evoluzzjoni fil-metodoloġija tat-trattament. Fid-Dipartiment tar-Radjoterapija fis-SAMOC seħħ avvanz kbir bl-introduzzjoni riċenti tas-sistema ‘Elekta Unity MR Linac,’ li tippermetti radjoterapija adattiva li taġġusta t-trattament ibbażat fuq l-anatomija ta' kuljum tal-pazjent. Din is-sistema fiha wkoll ġestjoni komprensiva tal-moviment (Comprehensive Motion Management /CMM) li tippermetti l-monitoraġġ tal-moviment dirett fil-post fejn żviluppa l-kanċer, u tinterrompi t-trattament sakemm it-tumur ikun fl-aħjar pożizzjoni, b’hekk itejjeb b'mod sinifikanti l-preċiżjoni tat-trattament.
F’Ottubru tal-2023, bil-kooperazzjoni tat-tobba, infermiera u l-appoġġ maniġerjali, bdiet inizjattiva ġdida li tippermetti lil madwar 22 pazjent ikomplu l-kimoterapija d-dar, u b'hekk naqsu ż-żjarat għall-pazjent fl-isptar f'SAMOC. Din l-inizjattiva se tkun ikkumplimentata minn trasferiment kontinwu ta' kura mill-ambjent tal-isptar għal servizz ta' outreach li se jara pazjenti jgawdu aktar lill-familji tagħhom għal parti akbar mit-trattament tagħhom.
Minkejja li l-kanċer baqa' kawża ewlenija tal-mewt, Malta rreġistrat l-inqas rata ta' mortalità mill-kanċer fl-UE fl-2021. L-isforzi kontinwi tas-SAMOC huma kritiċi biex ikomplu jtejbu r-riżultati tal-kanċer u l-esperjenzi tal-pazjenti permezz tar-riċerka, it-titjib fl-infrastruttura u metodoloġiji ġodda ta' trattament. Permezz ta' kollaborazzjoni mill-qrib mal-professjonisti kollha tal-kura tas-saħħa, dan iċ-ċentru għandu l-għan li jistabbilixxi u jsostni sistema ta' kwalità li tmexxi u tkompli t-titjib fis-SAMOC. L-għan ewlieni tal-approċċ tat-tim multidixxiplinarju fi ħdan iċ-ċentru huwa li jfejjaq pazjenti bil-kanċer jew itawwal il-ħajja b'mod konsiderevoli, filwaqt li jiżgura kwalità ta' ħajja tajba. Fis-snin li ġejjin, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo se jservi b'mod effettiv bħala l-isfond għal avvanzi sinifikanti fil-kura tal-kanċer li se jkollhom l-għan li jkomplu jtejbu r-riżultati tal-ġlieda kontra l-kanċer.