Il-Laborotorju tal-Patoloġija ċellulari fi ħdan l-Isptar Mater Dei jaqleb għal sistema diġitali

Edizzjoni oħra tal-Public Service Expo tinsab wara l-bieb hekk kif jinsabu għaddejjin fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għal dan l-avveniment ġewwa l-MFCC f’Ta’ Qali. Is-sena li għaddiet kienu 55,000 persuna li żaru din l-Expo. Hekk kif din is-sena huma mistennija aktar nies, l-organizzaturi wettqu rebranding ta’ dan l-avveniment li issa se jkun magħruf bħala Expo Village. Dan hekk kif l-amministrazzjoni pubblika se tkun qed tuża areas ferm aktar estensivi mis-sena li għaddiet.
Il-Public Service Expo Village se jkun qed isir bejn l-Erbgħa, 21 ta’ Mejju u l-Ħadd, 25 ta’ Mejju b’ħafna attivitajiet għall-familja kollha. L-għan jibqa’ wieħed, dik li l-Expo sservi ta’ vetrina għas-servizzi governattivi u ċans ta’ interazzjoni bejn l-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku mal-klijenti tiegħu.
L-Expo Village tiftaħ l-Erbgħa, 21 ta’ Mejju bil-ftuħ uffiċjali biex warajha tiftaħ għall-pubbliku inġenerali bejn in-12.30 p.m. u s-7.00 p.m. Il-Ħamis u l-Ġimgħa filgħodu nilqgħu madwar 12,000 student u l-għalliema tagħhom minn skejjel varji, kif ukoll nilqgħu magħna studenti li jkunu pparteċipaw fil-Malta School Games.
Il-Ħamis u l-Ġimgħa l-Expo terġa’ tkun miftuħa għall-pubbliku min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m. Is-Sibt u l-Ħadd l-Expo tkun miftuħa l-ġurnata kollha bejn l-10.00 a.m. u t-8.00 p.m.
Għall-ewwel darba se jsiru wkoll żewġ kunċerti. L-ewwel wieħed se jsir is-Sibt wara s-7.30 p.m. bit-tema “Kant u Noti.” Dan il-kunċert, li d-dħul għalih se jkun kompletament b’xejn, se jara s-sehem ta’ The Palace String Orchestra. It-tieni kunċert se jkun il-Ħadd fil-5.30 p.m. bil-parteċipazzjoni tal-grupp popolari The Travellers. Dawn huma żewġ spettakli mużikali b’mużika li tolqot il-gosti ta’ kulħadd.
Apparti l-istands ta’ kull ministeru fuq ġewwa tal-MFCC, se jerġa’ jkun hemm area kbira fuq barra ddedikata għal xows u dimostrazzjonijiet mill-korpi dixxiplinati u entitajiet oħra, u food court fejn dak li jkun ikun jista’ jaqta’ l-ġuħ u l-għatx!
Fost is-servizzi li se jkunu preżenti fl-Expo Village hemm it-tiġdid tal-karta tal-identità, testijiet mediċi varji, inizjattivi u tagħrif dwar skemi, diskussjonijiet, quizzes u kompetizzjonijiet. Wieħed ikun jista’ jsib numru ta’ simulazzjonijiet tal-isports, projezzjonijiet, poddati u wirjiet. Ma jonqosx il-merchandise li jitqassam b’xejn. Dan kollu taħt saqaf wieħed fejn id-dħul huwa b’xejn.
Ta’ min isemmi illi waqt l-Expo ta’ din is-sena se jsir tentattiv li jiġi stabbilit rekord nazzjonali b’kollaborazzjoni mal-Malta Records fejn il-viżitaturi se jkollhom iċ-ċans jiffirmaw fuq bandiera kbira li finalment tittajjar.
Fil-viċinanzi tal-Public Service Expo se jkun hemm shuttle service organizzat minn Transport Malta u servizzi ta’ trasport għall-anzjani permezz ta’ Silver T. Apparti fl-inħawi tan-North Entrance, se jkun hemm ukoll diversi parkeġġi oħra f’Ta’ Qali, fosthom dak tal-grawnd nazzjonali u min-naħa tal-Pitkali.
Importanti li żżommu ruħkom aġġornati permezz tal-paġni soċjali tas-Servizz Pubbliku fuq Facebook, Instagram, TikTok u LinkedIn, sabiex tibqgħu aġġornati kull ħin.
Aħna se nkunu qed nagħmlu dak kollu possibbli biex l-esperjenza tagħkom fil-Public Service Expo Village 25 tkun waħda li tibqa’ memorabbli u li tibqa’ tiftakar!