Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
It-turiżmu jibqa’ settur dinamiku li jkompli juri tkabbir kostanti sena wara sena, u jpoġġi lil Malta fost waħda mill-iktar destinazzjonijiet bi prestazzjoni mill-aqwa fil-Mediterran. Huwa wieħed mill-pilastri ewlenin li jħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Iċ-ċavetta biex jintlaħaq -bilanċ bejn it-tkabbir fit-turiżmu u r-riżorsi disponibbli hija li nkomplu niffukaw fuq politiki u mudelli ta’ turiżmu sostenibbli. Fil-fatt, l-impenn ta’ Malta lejn turiżmu sostenibbli huwa msawwar mill-Istrateġija Nazzjonali tat-Turiżmu ta’ Malta 2021-2030, li tinkludi strateġiji komprensivi allinjati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda. L-Istrateġija tiddeskrivi l-viżjoni ta’ Malta għal settur turistiku li huwa ekonomikament vijabbli, ambjentalment responsabbli, u soċjalment inklussiv. Il-prijoritajiet ewlenin jinkludu l-promozzjoni ta’ turiżmu matul is-sena kollha biex titnaqqas l-istaġjonalità, tiżdied id-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku u t-titjib fl-esperjenza tal-viżitaturi, l-inkoraġġiment tal-kwalità u l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà f’kull aspett tal-iżvilupp turistiku.
Biex inkomplu nimxu ’l quddiem fit-tkabbir tal-industrija tat-turiżmu tagħna, irridu nibqgħu nibnu fuq l-approċċ tagħna tal-politika li tħaddan diversi aspetti, u nkomplu nbiddlu l-attenzjoni tagħna fuq turiżmu ta’ kwalità. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u entitajiet oħra qed jimxu f’din id-direzzjoni billi jkun hemm inkoraġġiment fit-titjib tal-għażliet fil- konnettività tagħna; id-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku tagħna; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema fis-settur; il-promozzjoni ta’ prattiċi sostenibbli fl-industrija tal-ospitalità u t-turiżmu; kif ukoll inizjattivi biex jitjiebu d-dejta u l-istatistika għall-finijiet tal-formulazzjoni tal-politika.
Malta qed tkompli bl-istrateġija tagħha biex tħeġġeġ lill-linji tal-ajru joffru titjiriet matul is-sena kollha fuq kważi r-rotot kollha. Dan ikompli jiżgura li Malta tibqa aċċessibli s-sena kollha, biex b’hekk tonqos is-staġjonalita’. Iż-żieda fit-titjiriet minn linji tal-ajru bħal Aer Lingus, Qatar Airways u LOT Polish Airlines tkompli toffri lil Malta opportunitajiet biex ittejjeb l-esperjenza ta’ kwalità billi żżid il-konnettività tagħha u tidħol fi’ swieq aktar diversifikati. L-istrateġija ta’ Malta tiffoka fuq l-attirar ta’ taħlita ta’ turisti ġejjin minn destinazzjonijiet qrib u ’l bogħod.
F’dawn l-aħħar snin, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, kompliet tiffaċilita d-diversifikazzjoni ta’ l-offerta turistika tal-gzejjer Maltin billi tippromwovi diversi niċeċ tat-turiżmu bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-prodott turistiku u tindirizza kwistjonijiet ta’ l-istaġjonalità. L-enfasi fuq ċerti segmenti speċifiċi bħal ma huma it-Turiżmu Reliġjuż, it-Turiżmu ta’ Lussu, it-Turiżmu Sportiv u Attiv, it-Turiżmu tat-Tiġijiet, it-Turiżmu tal-Benessri, it-Turiżmu MICE (Laqgħat, Inċentivi, Konferenzi, Wirjiet), Eko-Turiżmu, u l-Gastronomija jattiraw ċertu koortita’ viżitaturi b’motivazzjonijiet differenti.
Li jkollna l-għodod u d-dejta t-tajba f’idejna huwa kruċjali sabiex inkunu nistgħu nantiċipaw l-imġiba tat-turist u nippjanaw il-politiki skont il-miri u d-domanda. Dan qed isir permezz tal-iżvilupp ta’ Pjattaforma ta’ Intelliġenza Artifiċjali fit-Turiżmu li tikkombina statistika bbażata fuq stħarriġ tradizzjonali ma’ sorsi ta’ dejta ġodda u diversifikati, inkluż big data. Din il-Pjattaforma se tippermetti li jiġu sfruttati teknoloġiji avvanzati ta’ analiżi tad-dejta biex tiġi analizzata l-imġieba tat-turisti, jitjieb il-proċess tat- teħid ta’ deċiżjonijiet, u jiġu appoġġjati rakkomandazzjonijiet filħin.
Bl-appoġġ tal-OECD (l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku) taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) tal-Unjoni Ewropeja, Malta żviluppat ukoll Indikaturi ta’ Sostenibbiltà fit-Turiżmu. Dawn l-indikaturi jipprovdu approċċ immexxi mid-dejta għall-governanza fit-turiżmu li jippermetti teħid ta’ deċiżjonijiet aktar infurmati u sostenibbli.
Il-Gvern, permezz ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji turistiċi, kompla wkoll bl-implimentazzjoni tal-iSkills Pass, li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-offerta turistika billi jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ukoll ser tkun qed issaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu, u dan permezz tal-proġett Tourism Excellence Malta, li se jkun ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew Plus.