Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena Malta kienet il-pajjiż li rreġistra l-ikbar tnaqqis fil-livelli ta’ emissjonijiet fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan kien ikkonfermat minn statistika tal-Eurostat li wriet kif Malta kellha tnaqqis ta’ sitta punt tnejn fil-mija (-6.2%.)
Kif inhu rrimarkat fl-istatistika tal-Eurostat stess, Malta kienet fost erba’ pajjiżi li raw tnaqqis fl-emissjonijiet filwaqt li esperjenzaw tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross. Dan hu sinjal pożittiv ferm għax l-ekonomija kibret, b’inqas impatt ambjentali. Din l-istatistika trid tkun aġġornata bil-pubblikazzjoni ta’ iktar perjodi, iżda li li hu ċert hu li qed tikkonferma xejriet oħra li rriżultaw minn rapporti u statistiċi oħra u li jikkonfermaw passi pożittivi fl-azzjoni ta’ Malta dwar it-tibdil fil-klima.
Fil-fatt, b’mod konsistenti qed naraw kif Malta rnexxielha tnaqqas l-emissjonijiet għal kull ewro ta’ valur ekonomiku prodott. Dan hu f’sinerġija sħiħa ma’ dak li qed nimmiraw għalih fil-Viżjoni 2050, fejn il-Gvern Malti flimkien mal-poplu qed ifassal viżjoni b’waħda mill-miri tagħha hija t-tranżizzjoni ambjentali, b’kunsiderazzjonijiet ikbar lejn is-sostenibbiltà.
Però dawn huma wkoll riżultati li jaslu frott ta’ inizjattivi meqjusa, diversi inċentivi u koordinazzjoni, inkluż fis-servizz pubbliku li qed jibqa’ jkun proattiv u pijunier bi proġetti favur is-sostenibbiltà. Bil-għan li din il-ħidma tkun ikkordinata b’mod aqwa u iktar proattiv, fl-2024 twaqqfet il-Climate Action Authority li mhux biss għandha rwol regolatorju, iżda li qed taħdem ukoll fuq għadd ta’ proġetti li jġibu flimkien entitajiet mis-Servizz Pubbliku, iżda wkoll mill-industrija u msieħba soċjali. Din il-ħidma għandha tibni fuq dawn is-sinjali pożittivi.