Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Din is-sena l-Uffiċċju tal-Passaporti ta’ Identity Malta fil-Marsa kiseb rekord ġdid hekk kif minn Jannar sa Awwissu diġà laħaq in-numri li kienu jinkisbu qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid.
Minn Jannar sal-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena nħarġu 43,566 passaport, li huwa l-istess numru ta’ kemm inħarġu passaporti minn Jannar sa Diċembru tas-sena 2019. Meta tqis li fl-2020 inħarġu 14,262 passaport, u fl-2021 nħarġu 29,291 passaport, dan jindika b’mod ċar li filwaqt li r-restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija bdew jitneħħew, b’mod konsistenti n-numru ta’ applikazzjonijiet sottomessi għall-ħruġ ta’ passaporti ġodda u permessi ta’ residenza, kulma jmur, dejjem bdew jiżdiedu.
Bil-għan li timmitiga l-inkonvjenzi li din iż-żieda setgħet ħolqot, l-Aġenzija Identity Malta implimentat bosta miżuri neċessarji sabiex tindirizza din is-sitwazzjoni.
L-Uffiċċju tal-Passaporti estenda l-ħinijiet tal-ftuħ matul is-sigħat ta’ filgħaxija, u eventwalment estenda wkoll il-ġranet, tant li beda jiftaħ ukoll nhar ta’ Ħadd. Ġiet introdotta wkoll sistema ta’ appuntament bil-ħsieb li s-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tkun immaniġġata aħjar. Applikant issa għandu l-faċilità li jidħol fis-sit elettroniku ta’ Identity Malta u jagħmel appuntament fil-ġurnata u l-ħin li jixtieq, kemm għalih kif ukoll għall-familja tiegħu.
Sar ukoll investiment fil-biometrics stations sabiex aktar applikanti jkunu jistgħu jinqdew fl-istess ħin, u ġiet introdotta sistema ta’ self-service biometrics station, fejn applikant ikun jista’ jieħu l-informazzjoni bijometrika hu stess.
L-Uffiċċju tal-Passaporti ngħata aktar spazju minn fejn jaħdem, hekk kif ir-Reġistru Pubbliku ġie rilokat fuq sular ieħor u l-ewwel sular ingħata kollu kemm hu lil dan l-uffiċċju.
Infetħet ukoll id-daħla minn Triq Aldo Moro u saret waiting area ġdida. Dan sar bil-ħsieb li dawk li jkunu se japplikaw għal passaport jidħlu minn Triq Aldo Moro, u min ikun se jiġbor il-passaport jidħol mid-dħul l-ieħor.
Fit-Taqsima tal-Espatrijati u t-Taqsima Ċentrali tal-Viża wkoll ittieħdu bosta miżuri sabiex tkun indirizzata ż-żieda fit-talba tal-ħaddiema barranin li japplikaw għal permess ta’ residenza. Fit-Taqsima tal-Espatrijati ġiet installata self-service biometrics station li għenet sabiex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija biex tittieħed l-informazzjoni bijometrika.
Bil-għan li titnaqqas il-lista ta’ applikazzjonijiet pendenti, Identity Malta għamlet aktar minn dak li hu rikjest minnha u permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ingħata taħriġ lil ħaddiema fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-Viża. Dan irriżulta f’aktar applikazzjonijiet li ġew skrutinizzati u pproċessati fl-istess waqt, mingħajr ma ġiet kompromessa s-sigurtà. Matul dawn l-aħħar ġimgħat l-aġenzija fetħet il-bibien tagħha lil bosta stakeholders, li attendew għal sensiela ta’ seminars u webinars li matulhom, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ Jobsplus, ingħatat informazzjoni utli dwar il-proċess tal-applikazzjoni għall-ħruġ tal-permessi ta’ residenza. L-għan ta’ dawn is-seminars kien sabiex min iħaddem ikun aktar infurmat dwar ir-rekwiżiti ta’ dan il-proċess.