Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Is-Servizz Pubbliku qed jingħaqad maċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru s-70 anniversarju mit-twaqqif uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Malta, tragward importanti ta’ ħidma u sostenn lill-familji Maltin u Għawdxin.
Waqt it-tnedija tal-programm ta’ ċelebrazzjonijiet, mifrux fuq xahar, ġiet enfasizzata l-evoluzzjoni tas-sigurtà soċjali f’Malta, minn skemi bażiċi għal sistema moderna ta’ pensjonijiet, allowances u benefiċċji soċjali li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
F’din l-okkażjoni kien involut ukoll is-Segretarju Permanenti Mark Musu’, li ddeskriva dan l-anniversarju bħala kisba ta’ poplu u rikonoxximent tal-ħidma li saret tul is-snin biex Malta tkompli ssaħħaħ ir-ruħ soċjali tagħha.
Fl-2025, l-investiment fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali laħaq madwar €1.62 biljun, l-ogħla livell ta’ kull żmien. Dan jirrifletti l-impenn kontinwu biex is-servizzi soċjali jibqgħu ta’ sostenn għal dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Dan l-anniversarju jfakkar ukoll il-kontribut tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li, tul is-snin, ħadmu biex is-servizzi tas-sigurtà soċjali jaslu b’mod effettiv, professjonali u qrib iċ-ċittadin.