Jinfetħu n-Nominazzjonijiet għall-Premju Anzjanità Attiva 2026
Il-Helpline 1400 huwa servizz telefoniku mmexxi minn infermiera, disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa. Is-servizz huwa disponibbli għal persuni eliġibbli għal kura tas-saħħa b’xejn li jkollhom bżonn gwida dwar problemi urġenti ta’ saħħa, u jgħinhom jiġu diretti lejn l-aktar servizz tas-saħħa xieraq skont il-ħtiġijiet kliniċi tagħhom.
Meta pazjent iċempel fuq 1400, infermier jew infermiera twettaq valutazzjoni klinika strutturata bl-użu ta’ sistema ta’ appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet kliniċi. Il-valutazzjoni ssir abbażi tal-informazzjoni mogħtija minn min iċempel. Għalhekk, huwa importanti li tingħata informazzjoni preċiża sabiex il-pazjent jiġi ggwidat lejn l-aktar livell ta’ kura xieraq.
Skont ir-riżultat tal-valutazzjoni, il-pazjent jista’ jiġi riferut lejn Ċentru tas-Saħħa, id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei jew faċilità privata tal-kura tas-saħħa. Pazjenti li għandhom bejn 16-il sena u 75 sena u li jiġu riferuti permezz tas-servizz lejn faċilità privata parteċipanti jingħataw il-konsultazzjoni ta’ emerġenza mingħajr ħlas. Tobba tal-familja privati jistgħu wkoll jirreferu pazjenti direttament permezz tal-Helpline 1400. Meta tkun meħtieġa assistenza urġenti minn ambulanza, l-infermier jew l-infermiera tittrasferixxi minnufih it-telefonata fuq 112 sabiex jiġi żgurat rispons fil-pront.
Matul l-aħħar sitt xhur, il-Helpline 1400 irċieva 22,020 telefonata, fosthom 5,592 riferiment lejn faċilitajiet privati tal-kura tas-saħħa, 4,179 riferiment lejn Ċentri tas-Saħħa, 6,193 riferiment lejn servizzi fl-Isptar Mater Dei, u 484 telefonata ta’ emerġenza li ġew trasferiti direttament fuq 112 għal assistenza permezz ta’ ambulanza.
Is-servizz jgħin sabiex il-pazjenti jirċievu l-kura t-tajba, fil-post it-tajjeb u fil-ħin it-tajjeb, filwaqt li jnaqqas ħinijiet ta’ stennija bla bżonn u l-pressjoni fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Billi jċemplu fuq 1400 qabel imorru d-Dipartiment tal-Emerġenza, il-pazjenti jistgħu jiġu ggwidati lejn servizzi alternattivi tal-kura tas-saħħa li jkunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom b’mod aktar effiċjenti.