Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra għandu għadd kbir ta’ responsabbiltajiet, fosthom li jipprovdi servizzi konsulari u jagħti appoġġ liċ-ċittadini Maltin, b’mod partikolari meta jkunu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza jew kriżi, bħal pereżempju meta jkunu tilfu xi dokumenti tal-ivvjaġġar, jew f’każijiet ta’ ripatrijazzjoni. Id-Direttorat joffri pariri dwar l-ivvjaġġar, kif ukoll ifassal proġetti għall-komunitajiet Maltin lil hinn minn xtutna, bħat-twaqqif ta’ libreriji Maltin barra minn Malta, korsijiet online fil-Malti bħala lingwa barranija għal persuni ta’ dixxendenza Maltija, u l-koordinazzjoni tal-inizjattiva Consul on the Move.
Id-Direttorat jagħti appoġġ ukoll lill-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, li huwa rregolat minn Kapitolu 515 tal-liġijiet tar-Repubblika ta’ Malta (l-Att XX tal-2011), u huwa magħmul minn 21 kunsillier Malti minn madwar id-dinja. Dan id-Direttorat jopera b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kunsill, u lir-rwoli ewlenin fil-ħidma amministrattiva jinkludu l-iżgurar li n-nominazzjonijiet ta’ kunsilliera ġodda jsiru skont il-proċeduri legali, l-organizzar tal-laqgħat tal-Kunsill, u l-attwar tat-temi u l-prijoritajiet li joħorġu minn dawn id-diskussjonijiet.
Il-Kunsill għandu l-kompitu li jissorvelja l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet Maltin barra minn Malta, isaħħaħ ir-rabtiet bejn id-dijaspora Maltija u l-ħajja politika, kulturali, ekonomika, u soċjali ta’ Malta, jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-komunitajiet Maltin, filwaqt li jqajjem kwistjonijiet relatati mad-dijaspora mal-awtoritajiet Maltin.
Fix-xahar t’Ottubru, il-Kunsill iltaqa’ f’Malta għas-17-il laqgħa annwali. Fl-attendenza kien hemm iċ-Chairperson tal-Kunsill, il-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin, il-membri tal-Kunsill, u uffiċjali mid-Direttorat. Fil-laqgħa ġew diskussi xi kwistjonijiet li jiffaċċjaw il-komunitajiet Maltin barra minn Malta u l-ħidma tal-Kunsill għas-sena li ġejja. Fost is-suġġetti diskussi kien hemm il-promozzjoni tal-kultura u l-lingwa Maltija. F’din il-laqgħa ġiet imnedija wkoll l-iskema Btala tax-Xogħol għaż-Żgħażagħ b’Dixxendenza Maltija. Din l-iskema hija mmirata lejn żgħażagħ ta’ dixxendenza Maltija bejn it-18 u t-30 sena u tiffaċilita l-proċess tal-applikazzjoni għall-viża, sabiex l-applikanti jkunu jistgħu jaħdmu, jistudjaw u jesploraw lil Malta u l-għeruq tagħhom.