Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Id-Diviżjoni għat-Tindif ġabret 116-il tunellata ta' skart minn ħames lokalitajiet bejn Ottubru u Diċembru 2022, fi proġett pilota fejn qed tagħti servizz ta' knis f'toroq residenzjali. Dan il-proġett pilota għandu l-għan li jistabbilixxi standards għolja fl-indafa, li għandhom isegwu l-kuntratturi mqabbda mill-Kunsilli Lokali.
Is-servizz ta' knis f'toroq residenzjali jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali. Madankollu, tul l-aħħar snin kienu diversi Kunsilli Lokali li ma kinux sodisfatti bis-servizz ta' tindif li bdew jingħataw min-naħa tal-kuntratturi mqabbda minnhom. Kienet il-fehma ta' bosta, fosthom ta' residenti nfushom, li s-servizz ta' knis tat-toroq residenzjali f'diversi lokalitajiet mhux qed isir kif mixtieq u bi frekwenzi li jikkumplimentaw mad-domanda.
Wara ħafna diskussjonijiet interni, il-Gvern imbarka fuq proġett pilota ma' ħames Kunsilli Lokali permezz ta' ffirmar ta' Memoradum of Understanding ma' kull kunsill ikkonċernat. Dawn intgħażlu abbażi ta' dawk li l-aktar kellhom bżonn ta' assistenza rigward tindif f'toroq residenzjali, li huma Birkirkara, il-Belt Valletta, Marsaxlokk, Birżebbuġa u ż-Żurrieq.
Hawnhekk, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni assenjat numru ta' ħaddiema lil kull lokalità kkonċernata, u provdiet xogħol ta' knis tat-toroq residenzjali u tbattil tal-kontenituri tal-iskart fost xogħol ieħor, f'xiftijiet differenti abbażi tal-bżonn tal-lokalità, kif ukoll provdiet assistenza permezz tal-Customer Care Unit tagħha.
L-għan ta' dan il-proġett pilota huwa sabiex id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tassisti biex jiġu stabbiliti standards fl-indafa li jirriflettu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet skont l-esiġenzi ta' kull lokalità.
Definittivament, m'hemm l-ebda ħsieb li jittieħed ix-xogħol ta' kuntratturi li jwettqu xogħolhom, imma fejn ix-xogħol mhux qed isir kif mixtieq, se jkun hemm interventi sabiex il-prodott dejjem jitjieb. Dan kollu ser ikun qed isir bi ftehim mal-Kunsill Lokali.
Dan il-proġett pilota mal-ħames Kunsilli Lokali magħżula jidher li ntlaqa' tajjeb ħafna u komplejna nikkonfermaw li kien hemm bżonn kbir tiegħu.
Wara dawn is-sitt xhur ta' prova ma' dawn il-ħames Kunsilli Lokali, ser nevalwaw is-sitwazzjoni u nkunu f'pożizzjoni li niddeċiedu li nagħtu l-istess għajnuna lil Kunsilli Lokali oħrajn li wkoll mhumiex kuntenti bl-istandard u servizz li qed jingħataw mill-kuntratturi tagħhom u għaldaqstant diġà qed juru x-xewqa tal-intervent ta' tindif addizzjonali min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni. Dan ser ikun qed isir permezz ta' Memorandum of Understanding ma' kull kunsill ikkonċernat.