Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
F’isem il-Gvern Malti, il-MITA ffirmat ftehim ta’ €2 miljun mal-Esri biex ittejjeb il-kapaċitajiet tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika (GIS) tal-gvern.
Il-ftehim jinfirex fuq tliet snin, u se jipprovdi software Esri, servizzi professjonali, u appoġġ tekniku lil tlieta u għoxrin entità inklużi Ministeri u Aġenziji madwar il-Gvern Malti.
Esri hija meqjusa bħala leader globali fis-softwer tal-GIS, location intelligence, u l-mapping. Dan jgħin lill-klijenti jiftħu l-potenzjal sħiħ tad-dejta biex itejbu r-riżultati operattivi u kummerċjali.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni u ċ-Chairman tal-MITA Tony Sultana ippresieda l-iffirmar tal-ftehim, li se jippermetti lill-MITA tipprovdi koordinazzjoni ċentrali fit-teknoloġiji, liċenzji u servizzi tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS), u tiffaċilita aċċess flessibbli għall-aħħar teknoloġija u servizzi Esri. Dan se jippermetti aktar tkabbir fl-użu tal-kapaċitajiet tal-GIS biex jappoġġjaw inizjattivi ġeospazjali strateġiċi attwali u futuri.