Is-Servizz Pubbliku lest imexxi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali
Matul din is-sena f’San Vinċenz de Paul komplejna ninvestu biex inkunu f’pożizzjoni li nagħtu l-aħjar servizz u naqdu l-ħtiġijiet tar-residenti tagħna bl-aqwa mod possibbli.
In-numru ta’ kliniċi ġodda, mgħammra bl-aqwa teknoloġiji, komplew jiżdiedu din is-sena. Żidna fost oħrajn gastroenterology clinic, cardiac clinic, neuromedical clinic u liver clinic, waqt li komplejna ninvestu f’aktar apparat mediku fosthom, ultrasound machines u cardiac monitors.
B’riżultat ta’ dan, rajna żieda sostanzjali fin-numru ta’ anzjani li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi, mhux biss residenti iżda anke anzjani li jiġu mill-komunità u minn Djar tal-Anzjani
F’dik li hija infrastruttura, kompla l-proġett ta’ rinnovar estensiv f’żewġ swali ewlenin fejn riċentement tlesta r-restawr tal-faċċata tal-binja u fuq ġewwa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq is-servizzi. Dan ix-xogħol qed isir kemm minn kuntratturi privati kif ukoll minn ħaddiema ta’ San Vinċenz.
Barra minn hekk, jinsab fi stadju avvanzat ix-xogħol fuq it-tieni sular tal-blokka tal-ispeżerija fejn dalwaqt jitlestew is-servizzi u jinxtara t-tagħmir meħtieġ.
Proġett ieħor li jinsab fi stadju avvanzat huwa r-razzett terapewtiku, fejn riċentement tlesta x-xogħol ta’ servizzi ta’ dawl u ilma, kif ukoll xogħol ta’ kisi u tibjid. Bħalissa għaddej xogħol ta’ pavimentar u fil-ġranet li ġejjin, se jitħawlu siġar u pjanti. Għal dan il-proġett, qed jitħejja pjan ta’ kif se ssir it-terapija bl-annimali għar-residenti tagħna u qed jiġu identifikati l-aħjar razez ta’ annimali.
Tlesta wkoll ix-xogħol fuq it-tisbiħ tal-cat café wara li l-persuni li kienu responsabbli minnu sas-sena li għaddiet, kienu ħallew il-post f’telqa kbira, bil-konsegwenza li kellna ninvestu ammont ta’ flus li ma kinux ippjanati għal din is-sena.
Din is-sena rajna wkoll żieda fl-attivitajiet li jiġu organizzati għar-residenti kemm f’San Vinċenz kif ukoll fuq barra, waqt li komplejna nħarrġu lill-ħaddiema tagħna bl-introduzzjoni ta’ korsijiet ġodda, fosthom korsijiet immirati għall-barranin biex itejbu l-komunikazzjoni mar-residenti Maltin kif ukoll korsijiet li jħarrġu lill-barranin fuq il-kultura Maltija.
Proġett ambizzjuż li nħoloq għall-ewwel darba f’San Vinċenz u qed jintlaqa’ tajjeb ħafna huwa l-proġett ta’ kura intermedjarja fejn infetħet sala apposta biex tilqa’ fiha anzjani, kemm residenti kif ukoll anzjani mill-komunità li jkunu jeħtieġu kura akuta wara li ssirilhom xi operazzjoni f’Mater Dei, u dan sakemm jieħdu saħħithom lura.
Hawnhekk qed jiġu pprovduti l-istess servizzi u dan bl-iskop li nkomplu nnaqqsu l-piż minn fuq l-isptar ġenerali. Il-vantaġġ huwa li s-servizzi qed jiġu deċentralizzati biex il-pazjenti jiġu moqdija b’iktar kumdità u inqas skariġġ.
Din hija sfida ġdida għalina dis-sena u minkejja li l-proġett huwa wieħed pilota, ninsabu kuntenti li d-domanda għal dan is-servizz kienet waħda għolja, tant li qed nippjanaw li niftħu sala oħra matul ix-xhur li ġejjin.