Segretarji Permanenti: Tisħiħ fit-Tmexxija tas-Servizz Pubbliku
Organizzat minn Festivals Malta, il-Karnival ta’ Malta joffri festa kulturali kkaratterizzata minn karrijiet maħduma mill-kartapesta, maskeruni kkuluriti, żfin u teatru tat-triq. Din il-festa brijuża, li tmur lura għal diversi snin minn żmien il-Kavallieri, hija ċċelebrata tradizzjonalment qabel Ras ir-Randan b’attivitajiet karnevaleski differenti li jsiru madwar Malta u Għawdex. Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival Malti jsiru madwar il-Belt Valletta, b’wirja li tinkludi karrijiet u żfin ikkoreografat fi Pjazza San Ġorġ.
Il-preparazzjonijiet għall-karnival jibdew eżatt wara li tispiċċa l-edizzjoni preċedenti. Il-parteċipanti jibdew ifasslu l-karru li jmiss u t-tim loġistiku ta’ Festivals Malta, flimkien mal-Kumitat rispettiv, jiltaqgħu biex jiddiskutu u jippreparaw għall-edizzjoni tas-sena ta’ wara.
Wara l-briju u x-xalar tal-Karnival Malti hemm tim ħabrieki li jaħdem qatigħ biex din il-festa kulturali tkun ta’ suċċess. Il-karnival huwa wieħed fost l-akbar avvenimenti li torganizza Festivals Malta, b’hekk wieħed irid iqis il-fatturi kollha loġistiċi minn lenti differenti minn kif nittrattaw il-festivals l-oħra fil-portafoll tal-aġenzija.
Il-pjanijiet loġistiċi jibdew jitfasslu minn diversi xhur qabel. Dawn jinkludu l-arena li ssir fil-pjazza, ir-rotot li jieħdu l-karrijiet madwar il-Belt, risk assessments u prekawzjonijiet għas-sigurtà u ħafna aktar. Waqt il-Karnival innifsu, it-tim ta’ Festivals Malta, flimkien ma’ tim ta’ tekniċi speċjalizzati, jikkordinaw dak kollu li jkun qed isir mal-Belt inkluż il-programm fl-arena u dak ta’ Triq Sant’Anna, il-kordinazzjoni mal-mezzi tax-xandir, aspetti tal-Marketing, il-kordinazzjoni tal-karrijiet, l-organizzazzjoni tal-esebizzjoni li ssir fi Spazju Kreattiv u ħafna aktar.
Il-Karnival Malti huwa appuntament annwali għal diversi dilettanti u viżitaturi li jżuru lil pajjiżna apposta għal dan iż-żmien u huwa proprju għalhekk li Festivals Malta dejjem tkompli ttejjeb il-prodott tagħha flimkien mal-Għaqda tal-Parteċipanti u bil-kollaborazzjoni tal-Forzi tal-Ordni u l-entitajiet governattivi u ċivili kollha biex dan l-avveniment kulturali jkompli jevolvi u jitjieb kemm fuq livell artistiku u saħansitra dak organizzattiv.
Il-Karnival ta’ Malta se jittella’ bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu 2025. Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur www.festivals.mt/karnival