In-narrattiva soċjali kkaratterizzat b'mod evidenti d-diskorsi annwali tal-baġit li saru mill-Ministru għall-Finanzi f'dawn l-aħħar snin. Kull diskors nissel miżuri biex jippromwovi l-parteċipazzjoni soċjali, inaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji u l-faqar u ġeneralment joħloq kwalità ta' ħajja aħjar għall-familji bit-tfal, il-pensjonanti, il-persuni b'mezzi limitati, u oħrajn b'kundizzjonijiet jew problemi ta’ saħħa.
Iżda din in-narrattiva qatt ma kienet distinta daqskemm kienet fid-diskors tal-Baġit 2025. Stajna nsegwu baġit b'pakkett qawwi ta' miżuri u inizjattivi soċjali, li f'termini ta' għadd u nfiq, huma mingħajr preċedent.
Il-miżuri ntlaqgħu b'mod tajjeb u ġew imfaħħra.
Minbarra tnaqqis kbir fit-taxxa li se jkun ta' benefiċċju għal firxa wiesgħa tal-popolazzjoni, il-Baġit 2025 nieda miżuri li minnhom jibbenefikaw klassijiet differenti ta' pensjonanti, anzjani, familji bit-tfal, carers, persuni b'diżabilità u dawk bi dħul limitat. Miżuri oħra jindirizzaw anomaliji li nbnew matul is-snin. Minbarra li jżidu d-dħul tal-familji, il-benefiċċji l-ġodda flimkien mat-tnaqqis fit-taxxa għandhom l-għan li jkomplu jnaqqsu r-rata ġenerali tar-riskju tal-faqar.
L-għada tad-Diskors tal-Baġit is-Segretarju Permanenti u t-tim tiegħu ta' uffiċjali pubbliċi mill-ewwel jibdew jippjanaw, bil-kollaborazzjoni mal-MITA, l-implimentazzjoni bla xkiel u sħiħa tas-sensiela ta' miżuri soċjali matul is-sena. L-uffiċjali ġew assenjati biex jissorveljaw u jirrappurtaw regolarment, anke lill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tal-Baġit, dwar il-progress tax-xogħol minn wara l-kwinti, biex jiġi żgurat it-twettiq fil-ħin tal-benefiċċji mtejba jew miżuri ġodda. Dan l-eżerċizzju li hu ttestjat wera li matul l-aħħar snin sar it-twettiq sħiħ tal-miżuri soċjali mħabbra.
B'mod ġenerali, ġew stabbiliti kważi €1.6 biljun għall-għoti ta' benefiċċji soċjali fl-2025, bil-pensjonanti kontributorji u mhux kontributorji jkunu l-akbar benefiċjarji.
Il-pensjonijiet tagħhom kull sena żdiedu b'€416, u fejn applikabbli saru aġġustamenti fl-istruttura tal-pensjonijiet tar-romol u l-pensjonijiet tal-irtirar ta' persuni li twieldu qabel l-1962, kif ukoll aġġustamenti ta' ħelsien mit-taxxa u miżuri mmirati lejn il-pensjonanti tas-servizz. Il-pensjonanti huma ffavoriti ulterjorment b'rati ogħla tal-bonus għall-għoli tal-ħajja, permezz ta' mekkaniżmu ta' aġġustament li fl-2027 se jiġġenera l-ħlas ta' bonus annwali standard ta' €1,120 li jsir parti mill-pensjoni.
Individwi, l-aktar nisa miżżewġin, li fil-ħajja tax-xogħol tagħhom naqsu milli jiġbru biżżejjed kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni nazzjonali biex jikkwalifikaw għal pensjoni sħiħa, se jingħataw bonus imtejjeb. Ir-rati tal-bonus pagabbli, li issa jvarjaw bejn €550 u €1,000, huma marbuta direttament man-numru attwali ta' kontribuzzjonijiet imħallsa.
Miżura ewlenija oħra hija r-reviżjoni tal-allowance supplimentari pagabbli lil persuni single bi dħul baxx jew koppji miżżewġin. Il-miżura, li diġà ġiet streamed, wasslet għal allowances ogħla u t-twessigħ tal-limiti ta' eliġibbiltà speċifikament biex iħaddnu koppji bi dħul li jista' jiġi stmat sa €18,000. Barra minn hekk, permezz ta' bidla fil-kriterji ta' eliġibbiltà, il-benefiċjarji, ta' bejn il-75 u d-79 sena, saru intitolati għal kura medika b'xejn. Għall-istess grupp ta' età, l-Għotja għall-Anzjani żdiedet għal €350.
Il-familji bit-tfal għal darba oħra kienu punt fokali tal-baġit, b'għadd kbir ta' miżuri mmirati biex isaħħu d-dħul tagħhom.
Notevolment, is-suppliment annwali tat-tfal ġie msaħħaħ b'€250 għat-tieni sena konsekuttiva, u b’hekk tela’ għal €640 jew €660 għal kull wild, skont id-dħul tal-familja. Fl-istess ħin, permezz ta' bidla kbira, il-komputazzjoni tar-rati pagabbli taċ-Children's Allowance se tinjora mhux biss il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa iżda wkoll it-taxxa fuq id-dħul tal-familja. Permezz ta' dan ir-riaġġustament il-familji jistgħu jibbenefikaw minn rati ogħla ta' allowance. Bl-istess mod, il-familji jistgħu jieħdu rati ogħla tal-In-work Benefit billi l-istess eżenzjoni mit-taxxa tiġi applikata fil-kalkolu tal-benefiċċju.
Barra minn hekk, minbarra li jieħdu l-benefiċċji tat-tfal, il-familji li jilqgħu t-tielet wild jew aktar, se jitħallsu bonus tat-twelid li żdied għal €1,500. Għall-ewwel u t-tieni wild fil-familja l-bonus huwa ta' €500 u €1,000 rispettivament.
Qed jitħallsu wkoll aktar allowances lil foster parents u ġenituri ta' tfal b'diżabilità.
Ġenituri ta' tfal fl-edukazzjoni postsekondarja qed jiksbu aktar appoġġ permezz tal-ħlas ta' allowance speċjali ta' €500 għal kull wild.
Il-familji flimkien mal-pensjonanti u l-persuni b'mezzi limitati huma fost il-benefiċjarji ewlenin tal-allowance addizzjonali għall-għoli tal-ħajja li qed jitħaddem għat-tielet sena konsekuttiva biex jittaffew il-pressjonijiet inflazzjonarji fuq il-prezzijiet. Il-familji jieħdu l-allowance tagħhom skont id-dħul annwali tagħhom u n-numru ta' persuni fid-dar. Aktar ma jkun baxx id-dħul u aktar ma jkun in-numru ta' dipendenti, iktar ikun għoli l-allowance. L-ewwel wieħed miż-żewġ pagamenti tħallas f'Diċembru, bit-tieni wieħed skedat għal nofs l-2025.