Min aħna
Imwaqqfa fl-2014, l-Unitá għall-Implimentazzjoni tagħmel parti mid-Diviżjoni għall-Implimentazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-Unitá tħares u tosserva l-proċess tal-implimentazzjoni tal-miżuri u inizjattivi varji li l-Gvern iħabbar waqt il-Baġit annwali. Tul is-snin, l-irwol tal-Unitá espanda sabiex jinkludi wkoll il-monitoraġġ ta’ inizjattivi oħrajn imressqa mill-Amministrazzjoni Pubblika. Fost dawn insibu miżuri għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija, inizjattivi favur żvilupp sostenibbli, indikaturi ta’ prestazzjoni, premji ta’ kwalitá u miżuri addizzjonali oħra kif proposti mill-Ministeri għat-titjib tas-servizz offrut lill-klijenti.
L-Unitá tal-Implimentazzjoni qiegħdha tieħu ħsieb ukoll tissorvelja l-implimentazzjoni tal-iStrateġija għas-Servizz Pubbliku 2022-2026.
Mill-bidu nett tal-Unitá, din issorveljat b’suċċess ‘il fuq minn 2,500 miżura u inizjattiva, bil-monitoraġġ ikompli tul is-snin rigward dawk il-miżuri li n-natura tagħhom ma tippermettix li jkunu implimentati fi żmien sena waħda.
X’nagħmlu
Is-sorveljanza tal-Implimentazzjoni hija kumplessa, b’mod partikolari x-xogħol involut fl-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-baġit.
Wara l-Baġit annwali, jibda ċ-ċiklu billi jkunu identifikati l-miżuri kollha individwalment. Dawn jiġu assenjati lill-Ministeri rispettivi. Il-ministeri jappuntaw project leader għal kull proġett, li jipprepara pjan t’azzjoni ta’ kif se tintlaħaq l-implimentazzjoni. Dan il-pjan jiġi vverifikat għall-fattibilitá u aderenza mar-regolamenti tas-servizz pubbliku, mill-uffiċjali tal-Unitá għall-Implimentazzjoni. Wara li jkun maqbul, l-aderenza mal-pjan t’azzjoni tintuża bħala l-bażi ewlenija tal-evalwazzjoni.
Il-proċess rigward il-miżuri ta’ simplifikazzjoni u miżuri addizzjonali jiskatta billi jkunu l-Ministeri li jieħdu l-inizjattiva jidentifikaw oqsma sabiex jiġu ndirizzati u jissottomettu pjan t’azzjoni għall-verifikazzjoni mill-Uffiċċju.
Ta’ kull xahar il-project leaders tal-proġetti jibgħatu rapport ta’ implimentazzjoni lill-Unitá fejn jiddikjaraw x’ikun twettaq matul ix-xahar preċedenti u dan ikun evalwat skont il-pjan t’azzjoni permezz ta’ traffic lights system. Il-proċess jibqa’ jkun segwit mill-Unitá sakemm proġett ikun mitmum u miżura tiġi mplimentata.
L-Unitá tal-Implimentazzjoni tikkontribwixxi wkoll f’żewġ pubblikazzjonijiet imnehdija mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni: it-Twettiq tal-Baġit u pubblikazzjoni oħra dwar Ħidma mis-Servizz Pubbliku fl-Aħħar Tnax-il Xahar.
Minħabba li l-Unitá kontinwament tkun qed tkejjel il-prestazzjoni tal-Ministeri, l-Unitá toffri servizz ta’ statistika mportanti lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni li tintuża waqt il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, avveniment annwali li matulu, fost attivitajiet oħrajn, jingħataw premjijiet lil dawk il-ministeri li jkunu l-aktar li rreġistraw progress fl-implimentazzjoni ta’ miżuri u inizjattivi assenjati lilhom.