
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali
Is-Sur Kevin Mahoney
Is-Sur Kevin Mahoney twieled tas-Sliema fis-26 ta’ Mejju 1962. Huwa attenda l-Iskola Sekondarja ta’ San Ġużepp f’Raħal Ġdid u ggradwa bl-unuri fl-Amministrazzjoni Pubblika mill-Universita` ta’ Malta fl-1985.
Huwa daħal fis-Servizz Pubbliku bħala Uffiċjal Amministrattiv fl-1986 u kien impjegat fl-Uffiċċju Elettorali bħala uffiċjal inkarigat mid-Dipartiment. Huwa nħatar ukoll Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali. Fl-1989 ġie trasferit għal perjodu qasir fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u aktar tard fl-istess sena ġie assenjat doveri fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern bħala Kap tal-Amministrazzjoni, Finanzi u Riżorsi Umani. Huwa ġie appuntat Assistent Reġistratur tal-Qrati f’Diċembru tal-1994. F’Lulju tal-2001, inħatar Direttur u Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili. Fl-2007, inħatar Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja kif ukoll delegat nazzjonali tal-eJustice working party tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea liema kariga zamm sal-2013. Reġa’ ġie kkonfermat Direttur Ġenerali fl-2010.
Fl-2013 inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta` Nazzjonali, liema pożizzjoni reġa ġie kkonfermat fiha fl-2016 u għal darb’oħra fl-2019, id-darbtejn għal perjodu ta’ tliet snin. Huwa ġie appuntat ukoll espert nazzjonali tal-High Level Working Group (HLEG) dwar l-Interoperabbilta` u s-Sistemi tal-Informatika mwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea, liema kariga ġiet fi tmiemha.
Inħatar membru fuq kumitat nazzjonali bi tħejjija għas-summit taċ-CHOGM tal-2015
Kien Chairperson tal-Kumitat tat-Traffikar Uman, Deputat Chairperson fuq il-Kumitat tas-Sigurta` fl-Avjazzjoni u Deputat Chairperson fuq il-Kunsill tal-Protezzjoni Ċivili. Mill-2018 sa l-2022 irrappreżenta lill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta` Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi bħala Membru fuq il-Kumitat Nazzjonali li Jikkordina u Jikkumbatti l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu. Kien Chairperson tal-Contingency Coordination Committee fil-qasam tal-Influss Kbir ta’ Immigranti Irregolari. Għamel zmien bħala Chairperson fuq il-Kumitat ta’ Awditjar Intern tal-Korp tal-Pulizija. Kien appuntat ukoll bħala Membru fuq Kumitat Inter-Ministerjali li jizviluppa u jimplimenta l-politika dwar kif tirrizolvi Konflitt ta’ Interess. Kien maħtur ukoll bħala Membru fuq Kumitat Inter-Ministerjali biex tiġi zviluppata u mplimentata l-iStrateġija fuq Integrita’ Nazzjonali għal perjodu ta’ sena.
B’effett mit-12 ta’ April 2022 huwa ġie appuntat bħala Segretarju Permanenti (Kordinazzjoni u Implimentazzjoni) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Huwa serva bħala Chairperson fuq numru ta’ bordijiet u kumitati fosthom il-Kunsill tal-Governanza tad-Data, il-Kumitat tar-Re-Instatement and Re-Employment kif ukoll fuq il-Kumitat tal-Fond għal Kawzi Soċjali.
Mid-9 ta’ Jannar, 2024 huwa nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali. Qiegħed ukoll membru fil-Creativity Trust Board.
Huwa miżżewweġ u għandu żewġ subien.