image

Segretarju Permanenti, Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva

Is-Sur Joseph Chetcuti

Is-Sur Joseph Chetcuti twieled fl-1964. Studja fil-Kulleġġ Missjunarju ta' San Pawl u ggradwa mill-Università ta' Malta fl-Amministrazzjoni Pubblika.


Is-Sur Chetcuti ngħaqad mas-Servizz Pubbliku fl-1986. Huwa nħatar bħala Assistent tad-Dwana fid-Dipartiment tad-Dwana. Huwa ġie promoss għal Uffiċjal tad-Dwana fl-1993, għal Spettur tad-Dwana fl-2007 u għal Spettur Anzjan tad-Dwana fl-2013.


Fl-2014 inħatar Direttur (Sisa) u sentejn wara bħala Direttur Ġenerali (Dwana). Huwa introduċa programm komprensiv ta' bidla, ibbażat fuq strateġija li l-għan tagħha kien li jinstab bilanċ bejn approċċ iċċentrat fuq il-klijent u katina tal-provvista sigura.


Is-Sur Chetcuti pparteċipa f'diversi laqgħat li l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) organizzat għall-Kapijiet tal-Awtoritajiet tad-Dwana. Attenda wkoll bosta avvenimenti tal-Unjoni Doganali tal-UE, li wħud minnhom kienu ospitati minn Malta.  Kisba partikolari kienet l-organizzazzjoni tas-Seminar ta' Livell Għoli għall-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa u d-Dwana, li sar f'Malta fl-2017.


Taħt it-tmexxija tiegħu u permezz tal-viżjoni strateġika tiegħu, is-Sur Chetcuti mhux biss żied il-livell ta' għarfien pubbliku dwar l-għanijiet u l-operat tad-Dipartiment tad-Dwana iżda mexxa b'suċċess il-kisba ta' bosta riżultati pożittivi u stejjer ta' suċċess. Huwa nissel fin-nies li mexxa sens ta' appartenenza, twemmin fil-bidla meħtieġa u l-aktar importanti, sensazzjoni ġdida ta' valur personali u kburija.


Is-Sur Chetcuti serva fil-Kumitat tas-Sigurtà Marittima Nazzjonali, fil-Kumitat tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, fil-Bord għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet, fil-Kumitat ta' Tmexxija għall-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi u fil-Kumitat Nazzjonali ta' Koordinazzjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.


Fl-2022, is-Sur Chetcuti nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva. Fost il-kisbiet notevoli tiegħu kien hemm l-emendi għall-Politika tat-Trasfużjoni tad-Demm f'Settembru 2022, liema emendi poġġew lid-donaturi potenzjali kollha tad-demm, tkun xi tkun l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, fuq l-istess livell; l-introduzzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Screening tal-Aorta f'Ottubru 2022, u l-introduzzjoni ta' Klinika Olistika għall-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet għall-pazjenti morda bil-kanċer f'Novembru 2022.


It-trattament tal-kanċer kompla jingħata spinta meta f'Novembru 2022, Hospice Malta bbenefikat mill-Programm ta' Assistenza tal-Gvern għall-għoti ta' servizzi relatati mal-kura paljattiva. Barra minn hekk, f'Settembru 2023 ġew introdotti pompi tal-kimoterapija ambulatorja biex b'hekk il-pazjenti bdew jingħataw is-servizz fil-kumdità ta' darhom.


F'Mejju 2023, is-Sur Chetcuti ppilota l-introduzzjoni tal-Helpline tas-Saħħa Mentali '1579,' segwit minn Ftehim ta' Servizz konkluż mal-Fondazzjoni Richmond f'Diċembru 2023, bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni fis-Servizzi tas-Saħħa Mentali.


Is-Sur Chetcuti huwa miżżewweġ lil Jacqueline u huwa missier Clara u Julia.