Is-Servizz Pubbliku u s-settur pubbliku mhumiex l-istess ħaġa. Meta ngħidu “is-settur pubbliku”, qed niġbru flimkien l-entitajiet kollha tal-istat u l-impjegati tagħhom biex niddistingwuhom mis-settur privat (kumpaniji u għaqdiet privati u l-impjegati tagħhom).
Is-Servizz Pubbliku huwa magħmul mill-ministeri u d-dipartimenti tal-Gvern. Is-Servizz Pubbliku huwa l-qalba tal-makkinarju amministrattiv tal-Gvern, iżda mhuwiex l-uniku parti tiegħu. Hemm ukoll awtoritajiet u aġenziji mwaqqfa bil-liġi, fondazzjonijiet tal-Gvern, u kumpaniji kummerċjali li tagħhom il-Gvern għandu maġġoranza tal-ishma. Dawn l-entitajiet huma parti mis-settur pubbliku iżda mhux mis-Servizz Pubbliku. Is-Servizz Pubbliku jiġbor fih madwar 30,000 impjegat filwaqt li l-entitajiet fil-bqija tas-settur pubbliku jħaddmu madwar 20,000 impjegat oħra.
L-impjegati tas-Servizz Pubbliku jissejħu uffiċjali pubbliċi (public officers), kif ukoll impjegati tal-Gvern. Dan għaliex il-ministeri u d-dipartimenti li jħaddmuhom huma parti integrali mill-Gvern ta’ Malta. Mill-banda l-oħra, l-entitajiet fil-bqija tas-settur pubbliku għandhom personalità legali distinta minn dik tal-Gvern – jiġifieri li filwaqt li dawn l-entitajiet jaqgħu taħt il-Gvern ta’ Malta, mhumiex parti minnu u għaldaqstant l-impjegati ta’ dawn l-entitajiet mhumiex impjegati tal-Gvern.
In-nuqqas ta’ personalità legali distinta mhix l-uniku ħaġa li tgħaqqad il-ministeri u d-dipartimenti tal-Gvern. Dawn għandhom inkomuni wkoll il-karatteristiċi li ġejjin:
Id-distinzjoni bejn is-Servizz Pubbliku u s-settur pubbliku tiddependi minn dawn il-karatteristiċi, u mhux neċessarjament mill-qasam operattiv. Pereżempju, membru tal-Korp tal-Pulizija huwa uffiċjal pubbliku filwaqt li suldat fil-Forzi Armati ta’ Malta mhuwiex. Bl-istess mod, għalliem fi skola tal-Gvern huwa uffiċjal pubbliku filwaqt li lecturer fl-MCAST jew l-Università mhuwiex.