Jekk kien hemm bżonn ta’ konferma tal-mod eċċellenti li opera bih is-Servizz Pubbliku, dawn l-aħħar xahrejn servew ta’ eżempju ċar ta’ xi jfisser li tkun parti mis-Servizz Pubbliku u taħdem fi ħdanu. Il-premju jmur lil hinn minn dak li l-Amministrazzjoni Pubblika, li hi kburija bir-reputazzjoni tagħha bħala model employer, qatt tista’ toffri. Il-ħaddiema kollha, speċjalment il-frontliners, kif ukoll l-istaff amministrattiv li appoġġa s-servizzi, urew bi kburija li huwa xieraq li jiffurmaw parti mis-Servizz Pubbliku ta’ Malta u Għawdex. U din ma kinitx l-ewwel darba li s-Servizz Pubbliku, anke jekk mhux perfett, wera aspirazzjoni biex jitjieb u jeċċedi l-aspettattivi taċ-ċittadini.

Huwa għal din ir-raġuni li, għat-tieni darba konsekuttiva, bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena, numru ta’ Quality Awards se jingħataw bħala rikonoxximent għal servizzi ta’ kwalità għolja fis-settur pubbliku lil numru ta’ dipartimenti tal-gvern u entitajiet pubbliċi. Bħala apprezzament speċjali għal dawk il-ħaddiema li eċċellaw fil-mod ta’ kif jagħmlu xogħolhom u ta’ kif jipprovdu servizzi lill-klijenti, din is-sena r-rikonoxximent se jkun ibbażat fuq livell aktar individwali. Din se tkun opportunità biex jiġu rikonoxxuti impjegati li mhux biss għandhom għal qalbhom il-ġid komuni tas-soċjetà iżda li, permezz tad-dedikazzjoni u l-bżulija tagħhom fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom, urew xi tfisser li wieħed jagħmel dak l-isforz żejjed lil hinn mid-dmirijiet tiegħu. L-impjegati li se jiġu magħżula se jservu bħala mudell eżemplari għall-kollegi tagħhom, kif ukoll għall-uffiċjali pubbliċi u l-impjegati kollha.

Il-proċess ta’ nominazzjoni fetaħ illum u d-dettalji jinsabu hawn​. Il-proċess se jkun fuq bażi ta’ rolling call, għaliex avolja l-ewwel premjijiet se jingħataw waqt il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, dawn mhux se jkunu l-uniċi premjijiet mogħtija.